Malta rebħet post fuq il-podium meta f’kompetizzjoni prestiġjiża tat-Triathlon li saret fl-Awstrija, l-atleta James Camilleri temm fit-tielet post fid-Double Ironman Ultra f’Bad Radkersburg.
B’hekk Camilleri rebaħ il-midalja tal-bronz, f’tellieqa li kellha l-parteċipazzjoni ta’ 28 atleta minn madwar id-dinja, b’Camilleri kien wieħed miż-żewġ atleti minn Malta li ħadu sehem f’avveniment tat-Triathlon li kien fost l-aktar diffiċli. L-atleta l-ieħor Malti kien Silvio Sciberras, li minkejja ma rebaħx midalja rrnexxilu jtemm b’suċċess din il-kompetizzjoni.
It-tellieqa sħiħa kellha għawma ta’ 7.6km, qadfa bir-rota ta’ 360km u fl-aħħar ġirja ta’ 84.4km. Camilleri rrnexxilu jtemm din it-tellieqa, li għaliha għandek bżonn stamina kbira, f’ħin ta’ aktar minn 25 siegħa.
Il-Malti kellu jegħleb sfidi diffiċli, fosthom xita qawwija, bil-kundizzjoni tat-temp kompliet tagħmel it-tellieqa aktar iebsa għal kull participant. Dawn il-kundizzjonijiet tant kienu diffiċli li x-xita damet nieżla għal 11-il siegħa konsekuttiva.
Bla dubju, it-tielet post miksub minn Camilleri hu riżultat mill-aqwa għall-atleta Malti u għal pajjiżna. Camilleri għandu lil Fabio Spiteri bħala l-kowċ tiegħu u f’kummenti li hu ta wara dan is-suċċess hu kellu kliem ta’ ringrazzjament għal Spiteri, li hu magħruf għall-esperjenza kbira li għandu f’kompetizzjonijiet tat-Triathlon.
Camilleri saħaq fuq l-importanza li biex wasal għal dan ir-riżultat personali, hu ħadem ħafna fuq ir-reżiljenza mentali kif ukoll l-appoġġ kontinwu li kien qed jingħata minn Therese Genovese u Philip Cachia.
//= $special ?>