Ambjent Lokali

Il-Gvern Laburista jkompli juri l-inkompetenza tiegħu fil-qasam ambjentali – PN

Il-ftit spazji ħodor li fadal qegħdin jinsterqu lill-familji tagħna, hekk kif bil-fallimenti tiegħu l-Labour ħalla l-politika bla viżjoni tieħu preċedenza fuq il-futur ta’ wliedna

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi tħassib serju dwar il-mod kif il-Gvern Laburista qed jittratta dak li fadal mill-ispazji miftuħa u ħodor f’pajjiżna. Il-każ riċenti f’Ta’ Qali, fejn żona tal-picnics tant imfittxija ġiet miksija biż-żrar, huwa eżempju ieħor ta’ deċiżjonijiet bla viżjoni u inkompetenti li jdgħajfu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

Għal diversi snin, Ta’ Qali kien wieħed mill-ftit postijiet f’Malta fejn it-tfal setgħu jiġru u jilagħbu mingħajr periklu, fejn il-familji setgħu jinġabru, u fejn in-nies setgħu jsibu ftit serħan tal-moħħ. Dak l-istess spazju issa tneżża’ mill-ħdura tiegħu u tħalla vojt, bl-iskuża li jrid ikun kkontrollat it-trab waqt avvenimenti.

Kien hemm alternattivi ferm aħjar. Soluzzjonijiet sostenibbli u naturali bħall-użu ta’ mulch magħmul mill-friegħi u weraq ta’ sigar lokali kien jikkontrolla t-trab filwaqt li jsaħħaħ il-ħamrija u jipproteġi s-siġar. Minflok, il-Gvern għażel li jmur għal soluzzjoni dilettanteska u traskurata.

Dan l-inċident, bir-raġun, qanqal rabja fost il-pubbliku. Residenti, ġenituri, u gruppi taż-żgħażagħ irrimarkaw li Ta’ Qali mhuwiex biss park kwalunkwe, iżda huwa wieħed mill-aħħar żoni miftuħa kbar disponibbli għall-pubbliku.

Il-verità hi li dan mhuwiex każ iżolat. Sena wara sena, Gvern Laburista kompla jnawwar l-ispazji miftuħa ta’ Malta b’mod sistematiku. Art pubblika maħsuba għall-komunità ngħatat għal żviluppi privati. Il-ftit għelieqi li fadal bejn l-ibliet u l-irħula tagħna qed jitnaqqru mit-toroq. Kull darba, lill-pubbliku jgħidulu li l-ambjent huwa prijorità, iżda fir-realtà dejjem isir l-oppost.

Għall-Gvern Laburista, l-ambjent qiegħed hemm biss għall-propaganda: reklami sbieħ, konferenzi stampa, u wegħdiet fiergħa, b’deċiżjonijiet li jeqirdu l-ftit natura li fadlilna. Malta diġà għandha l-inqas disponibbiltà ta’ spazji ħodor miftuħa fl-Ewropa, filwaqt li fl-istess ħin tirreġistra l-akbar proporzjon ta’ nies li jirrappurtaw stress minn problemi ambjentali. Dan anke meta teżisti riċerka li turi bl-aktar mod ċar li l-spazji miftuħa u ħodor inaqqsu l-istress u jtejbu s-saħħa mentali. Fl-isfond ta’ din ir-realtà, kull roqgħa ta’ ħdura hija importanti.

Gvern Laburista wera għal darba oħra li m’għandu l-ebda pjan serju. Jaġixxi b’politika ta’ firefighting, mhux ta’ ppjanar, iġib skużi minflok ma jieħu r-responsabbiltà, u jimmina l-istess spazji li jagħtu lin-nies serħan f’pajjiż li huwa mibni b’mod eċċessiv.

Il-Partit Nazzjonalista għal darba oħra jtenni l-proposta tiegħu li l-ambjent isir dritt tal-bniedem imħares mill-Kostituzzjoni. Irridu lin-nies ikollhom vuċi akbar fuq l-ambjent ta’ madwarhom, u mhux jiġu mġiegħla jaċċettaw kollox. Nibqgħu ninsistu li l-ispazji pubbliċi għandhom ikunu ddisinjati u mħarsa għan-nies. Il-familji jistħoqqilhom żoni ħodor u siguri fejn jistgħu jistrieħu, u Malta jistħoqqilha gvern li jittratta l-ispazji miftuħa bħala prijorità nazzjonali. Se nkomplu nimbuttaw għat-trasparenza, manutenzjoni xierqa, u deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza u l-fatti li jipproteġu l-ftit ħdura li fadal; għax uliedna u l-ġenerazzjonijiet futuri jistħoqqilhom ħafna aħjar.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg, mix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda Bernice Bonello, u mix-Shadow Minister għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Joe Giglio.