Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tikkonferma n-nuqqas ta’ ħtija fil-konfront ta’ sewwieq ta’ bowser u ta’ karozza

Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallfin Christian Falzon Scerri u Josette Demicoli, ikkonfermat sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili li fiha ġie deċiż li żewġ sewwieqa – wieħed ta’ bowser u ieħor ta’ karozza – ma kellhomx jinżammu responsabbli għal inċident li seħħ fid-19 ta’ April 2013 fi Triq in-Naxxar, Birkirkara, li fih weġġa’ sewwieq ta’ mutur, Eugenio Formosa.

Formosa kien talab kumpens u allega li l-inċident inqala’ minħabba l-mod kif kienu qed isuqu Mario Vella, li kien qed isuq trakk tat-tip Leyland Constructor (bowser), u Antonio Ciancio, li kien qed isuq Peugeot 106.

Skont ix-xhieda tiegħu, hu kien fuq mutur Honda meta ra ilma jiġri minn ħdejn il-bowser u pprova jaqbżu, iżda f’dak il-ħin Vella allegatament mexa ‘l barra biex jevita karozzi pparkjati u qallu t-triq, u b’hekk spiċċa ħabat ma’ karozza ta’ Ciancio li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta.

Il-verżjoni ta’ Vella kienet li kien wieqaf u daħal ftit ‘il ġewwa biex jagħmel wisa’ lil karozza tal-linja li kienet ġejja, u l-mutur spiċċa daħal fih. Min-naħa tiegħu, Ciancio qal li kien wieqaf minħabba t-traffiku u li l-mutur inqabdet mas-sellum tal-bowser, u hekk waqa’.

L-Imħallef Mark Simiana fil-Prim’Awla kien sab li mill-provi l-inċident seħħ tort tas-sewwieq tal-mutur, li ma kienx attent fil-mod kif ipprova jaqbeż il-bowser. Huwa eskluda li l-karozza ta’ Ciancio kienet kaxkret jew għafset il-mutur u rrimarka wkoll li għalkemm Ciancio żbalja meta telaq minn fuq il-post, huwa mar jgħarraf lill-Pulizija. Għaldaqstant, ma nstab l-ebda responsabbiltà fil-konfront ta’ Vella u Ciancio u t-talba ta’ Formosa għall-kumpens ġiet miċħuda.

Meta Formosa appella, il-Qorti tal-Appell qieset mill-ġdid il-provi u kkonkludiet li ma kienx hemm ebda nuqqas fis-sewqan ta’ Vella jew Ciancio u li l-inċident seta’ jittieħed bħala riżultat biss tal-imġiba ta’ Formosa nnifsu. Għalhekk, il-qorti kkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza u ċaħdet l-appell tiegħu.