Is-sentiment hemm barra hu li m’hemmx sigurtà fit-toroq – tant hu qawwi dan is-sentiment li saħansitra inħass li kellu jsir programm proprju b’din it-tema li qed tħasseb lil bosta.
Sostna dan ix-Shadow Minister Darren Carabott waqt programm mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fuq ix-Xandir tal-Istat wara li fl-ewwel 8 xhur ta’ din is-sena tilfu ħajjithom 19-il persuna f’inċidenti tat-traffiku – u wara li bosta NGOs insistew li t-toroq f’pajjiżna qed isiru perikolużi.
Darren Carabott saħaq li f’pajjiżna trid tinqata’ l-mentalità li persuna tista’ tikser il-liġi kemm trid għax mingħaliha li mhux se tinqabad – u sostna li għad-differenza tal-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista jrid li l-ponn tal-ħadid jintwera mhux ma min ikun qatel …iżda hemm bżonn deterrenti aktar qawwija.
Filwaqt li insista li mhux kull mewta fit-toroq ta’ Malta u Għawdex hija tort tal-Gvern, Darren Carabott spjega li xogħlu hu li jipprevjeni l-imwiet u hekk qed jinsisti l-Partit Nazzjonalista.
Carabott spjega li l-liġi kif qed jipproponuha Robert Abela u sħabu mhux qed tindirizza ċertu affarijiet u ddeskriva dan kollu bħala reazzjoni tard wisq wara li daħlu liġi ta’ droga mgħaġġla ħafna….fost oħrajn mingħajr it-testijiet adegwati fit-toroq ta’ pajjiżna.
Dan filwaqt li kkundanna diskors il-Ministru Camilleri…li bħal donnu għandna nirringrazzjawh għas-soluzzjonijiet li pprovda…minkejja li l-Gvern ilu rieqed snin sħaħ – bil-forzi tal-ordni mingħajr r-riżorsi adegwati.
Ix-Shadow Minister insista li għal xahar wara ieħor il-Partit Nazzjonalista dejjem ressaq quddiem soluzzjonijiet; liema proposti l-Labour dejjem injora. Bl-isfidi jinxteħtu taħt it-tapit sakemm isiru muntanja waħda ta’ kriżi.
Intant il-Ministru spjega li t-testijiet tad-droga se jkunu qed isiru fuq żewġ stadji…bl-ewwel wieħed isir fil-post u la darba s-sewwieq jinstab pożittiv għad-droga…jsir test ieħor li jistabilixxi x’tip ta’ droga hi.
Finalment Carabott insista li jrid jintbgħat messaġġ ċar hemm barra li mal-ħajja ma nistgħux nilgħabu lanqas bi ftit.
//= $special ?>