Sport

Imut l-eks boxer Ingliż tal-heavyweight Joe Bugner

L-eks boxer Ingliż tal-heavyweight Joe Bugner miet fl-età ta’ 75 sena.

Bugner darbtejn kellu t-titli heavyweight tar-Renju Unit u tal-Commonwealth u kien tliet darbiet champion Ewropew tal-heavyweight.

Huwa ġġieled kontra Muhammad Ali u Joe Frazier f’żewġ ġlidiet wara xulxin fl-1973, qabel ma ffaċċja lil Mohammed Ali mill-ġdid għat-titlu mondjali fl-1975.

Imwieled Jozsef Kreul Bugner fi Szoreg, l-Ungerija, fl-1950, hu u l-familja tiegħu ħarbu mill-pajjiż lejn ir-Renju Unit wara l-invażjoni Sovjetika tal-1956.

Bħala Amateur rebaħ it-titlu tal-ABA light heavyweight meta kellu biss 17-il sena. Bħala professjonista, Joe Bugner rebaħ kontra Henry Cooper f’Wembley fl-1971 biex rebaħ kemm it-titli heavyweight Britanniċi kif ukoll dawk tal-Commonwealth.

Il-ġlidiet tiegħu kontra Mohammad Ali u Joe Frazier kienu konferma tar-reputazzjoni tiegħu ta’ saħħa f’karriera fejn kellu 83 ġlieda professjonali. Kontra Joe Frazier f’konfront iebes għall-aħħar twaqqaf fit-12-il rawnd wara prestazzjoni kuraġġuża oħra. Bugner tilef mill-ġdid bil-punti kontra Muhammad Ali fl-1975.

Mar l-Awstralja f’nofs is-snin 80 u kompla jiggieled fejn tilef kontra Frank Bruno fl-1987 fejn twaqqaf fit-tmien rawnd.

Fl-1998, fl-età ta’ 48 sena, rebaħ il-verżjoni tal-kampjonat heavyweight tal-Federazzjoni Dinjija tal-Boxing billi għeleb lil James ‘Bonecrusher’ Smith, qabel ma rtira għal kollox fl-1999.