Sport

It-tim nazzjonali tal-Malta Pool Association b’rebħa storika fl-Irlanda

It-tim nazzjonali tal-Malta Pool Association wettaq rebħa storika meta rebaħ il-World Team Shootout Event wara li għeleb liċ-champions renjanti ta’ Wales 5-4 fil-finali li saret waqt il-Kampjonati tad-Dinja fl-Irlanda.

Kienet prestazzjoni mill-aqwa mis-selezzjoni Maltija, magħmula minn Miguel Amato, Owen Amato, Johan Attard, Clayton Castaldi, Lydan Debono, Dejan Grech, Ryan Pisani u Chris Zaffarese, li rnexxielhom iżommu l-momentum għaddej matul il-finali.

Rebħa storika wara li Malta kienet sofriet tliet telfiet konsekuttivi fil-finali fil-World Team Shootout.

Rebħa fejn it-tim Malti rnexxielu jegħleb lit-tliet timijiet li qabel kienu rebħulhom fil-finali rebħiet li nkisbu kollha f’ġurnata waħda.

Fil-fatt, huma għelbu liċ-champions tal-2022, l-Irlanda, fil-kwarti tal-finali, imbagħad għelbu lir-rebbieħa tal-2023, l-Irlanda ta’ Fuq, f’semifinali eċċitanti, u wara għelbu liċ-champions Wales fil-finali.

Clayton Castaldi kien wieħed mill-protagonisti tat-tim, fejn rebaħ frames deċiżivi kemm fis-semifinali kif ukoll fil-finali.