Matul il-jum tat-Tlieta, l-Ministeru tas-Saħħa ta’ Gaza rreġistra 13-il persuni mejta, fosthom tliet itfal, minħabba l-ġuħ u l-malnutrizzjoni fl-aħħar 24 siegħa, u b’hekk it-total ta’ mwiet relatati mal-ġuħ tela’ għal 361, b’130 minnhom tfal.
Mill-inqas 78 Palestinjan oħra nqatlu f’attakki Iżraeljani madwar Gaza sa mill-bidu tal-jum, fosthom 42 fil-Belt ta’ Gaza u 20 minnhom li kienu qegħdin ifittxu l-għajnuna umanitarja.
Il-Hamas sejħu għal intervent immedjat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti wara żewġ massakri Iżraeljani, li fihom inqatlu 20 persuna, b’ħafna minnhom ikunu tfal. 11-il persuna, fosthom seba’ tfal, inqatlu f’attakk b’drones Iżraeljan fuq iz-zona ta’ al-Mawasi, ħdejn il-belt tan-nofsinhar ta’ Khan Younis, li laqat lin-nies waqt li kienu qed jistennew għall-ilma.
Din iz-zona hi waħda minn dawk li l-Iżraeljani qed jgħidu li hi sigura, u biex il-Palestinjani jmorru hemm għal kenn. Iżda minkejja dan, l-Iżraeljani xorta qed jattakkaw liċ-ċivili.
F’attakk separat fiz-zona ta’ Daraj fil-Lvant tal-Belt ta’ Gaza, il-militar Iżraeljan laqat id-dar tal-familja al-Af, u qatel 10 persuni, ħafna minnhom nisa u tfal.
Minn naħa l-oħra, f’Tel Aviv, folla ta’ dimostranti talbet lill-gvern biex iwettaq waqfien mill-ġlied minflok jeskala l-offensiva tiegħu. Dan hekk kif il-familji tal-ostaġġi miżmuma f’Gaza qalu li l-gvern Iżraeljan fallielhom billi naqsu milli jikkunsidraw l-aħħar proposta ta’ waqfien mill-ġlied, li l-Hamas aċċettaaw kważi ġimagħtejn ilu.
//= $special ?>