Raġel ta’ 31 sena mill-Imsida ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li x-xhud ewlieni xehed fil-Qorti dwar ġlieda li seħħet f’garaxx f’Ħal Tarxien f’Awwissu. James Manfrè qed jiċħad l-akkużi li kkawża ġrieħi gravi, hedded u insulenta lil Jason Mallia, kiser l-ordni pubbliku, kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest, ordni ta’ probation, u li huwa reċediv.
Jason Mallia kien tressaq separatament fil-Qorti fis-12 ta’ Awwissu, fejn ammetta li kien qiegħed iġorr arma mingħajr liċenzja u li kkawża biża’ ta’ vjolenza f’persuna oħra. Huwa nstab ħati u ngħata sentenza sospiża.
Fid-dettalji tal-każ, irriżulta li l-pulizija kienet irċeviet telefonata mingħand persuna oħra li allegat li ġie aggredit u li kienet intużat arma. Meta l-pulizija marru fuq il-post, Manfrè uriehom il-garaxx fejn kienet seħħet il-ġlieda. Il-pulizija fetħu l-bieb bil-forza u sabu lil Mallia b’wiċċu demm.
Mallia kien allega li Manfrè attakkah u kkawżalu l-ġrieħi. Madankollu, matul ix-xhieda tiegħu fil-proċeduri kontra Manfrè, Mallia qal li kien qed jargumenta ma’ mara jisimha “Michela” meta Manfrè daħal fil-garaxx biex jipprova jikkalma s-sitwazzjoni.
Mallia ammetta li ħa pistola li kienet tispara biss ‘blanks’. Manfrè qabeż fuqu, ħadilha u tefagħha fuq is-saqaf. Skont Mallia, Manfrè daħal f’kamra oħra u ngħalaq hemm għal xi ħin. Aktar tard, Manfrè reġa’ ħareġ u l-allegat vittma qal li ġie milqut b’tazza whisky li Manfrè kellu f’idu.
Michela ħarġet mill-garaxx, u anke Manfrè telaq mill-post. Mallia sostna li l-inċident ma kienx tort ta’ Manfrè u li kieku l-ġirien ma ċemplux lill-pulizija, hu stess qatt ma kien jirrapporta l-każ. Huwa wkoll ammetta li kien ħeba l-arma, li inizjalment ma nstabitx mill-pulizija meta daħlu fil-garaxx.
Id-difiża sostniet li dan kien każ ta’ difiża personali, fejn l-akkużat kien qed jipproteġi lilu nnifsu u lil Michela. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil, tat il-ħelsien mill-arrest lil Manfrè bi depożitu ta’ €3,500 u garanzija personali ta’ €6,000. Ġie ordnat jiffirma l-ktieb tal-polza kuljum u imponiet curfew fuqu.
Il-prosekuzzjoni mexxejja mill-Avukat Manuel Grech mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali assistit minn mill-Ispettur Kurt Farrugia. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit dehru għall-akkużat.
//= $special ?>