Raġel ta’ 39 sena mill-Pakistan li joqgħod l-Imsida u jaħdem bħala chef tressaq il-Qorti akkużat bi stupru u atti sesswali mwettqa fuq martu kontra l-volontà tagħha, kif ukoll każi ta’ vjolenza domestika fiżika u psikoloġika.
L-imputat baqa’ miżmum taħt arrest wara li l-Qorti ċaħdet it-talba għall-pleġġ minħabba n-natura serja tal-akkużi u l-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi. Skont l-Ispettur Audrey Micallef, il-vittma allegat li l-vjolenza ilha għaddejja għal sentejn minn meta ġew Malta, wara li żżewġu fil-Pakistan tliet snin ilu.
Ir-relazzjoni kienet iddeterjorat u l-mara kienet infurmat lir-raġel li riedet ittemm iż-żwieġ, iżda hu baqa’ jsegwiha, inkluż fuq il-post tax-xogħol tagħha. F’okkażjoni partikolari, allegatament heddidha b’’box cutter’, fejn mar fuq il-post tax-xogħol tagħha, fejn qalilha li jew joqtol lilha jew ineħħi ħajtu stess. Dwar dan kellu wkoll jintervjeni s-security tal-post fejn taħdem il-mara.
Il-mara rrakkuntat ukoll episodji oħra ta’ vjolenza fiżika u emozzjonali, inkluż fejn kissrilha apparat tad-dar u kkaġunalha ansjetà serja tant li f’okkażjoni minnhom kienet qatgħet il-polz tagħha. Qalet li għandu ġelosija eċċessiva, u li saħansitra kien imur ixommha biex jidentifika l-fwieħa li użat u jara jekk marritx ma’ xi ħadd ieħor, kemm jekk toħroġ ma’ ħabiba mara jew raġel.
Diversi drabi pprova qkoll iwettaq atti sesswali kontra r-rieda tagħha. L-Avukat tad-difiża Noel Bianco sostna li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija, għandu impjieg stabbli u lest li josserva ordnijiet tal-Qorti, inkluż ordni ta’ protezzjoni.
Żied jgħid li għandu familja f’Malta, post fejn jgħix u mhux intenzjonat jaħrab, anke jekk l-akkużat qal li jekk il-mara ma tridx tibqa’ miegħu, ikun aħjar jitlaq minn Malta. L-Avukat Ġenerali, rappreżentat minn Dr Jurgen Dalli, oġġezzjona bil-qawwa kontra l-ħelsien mill-arrest, u semma t-theddid u l-pressjoni li l-allegata vittma qed tirċievi mill-familjari tal-imputat biex ma tagħtix aktar informazzjoni lill-Pulizija.
Qal li hemm biża’ konkreta ta’ influwenza fuq il-provi u fuq ix-xhieda, speċjalment billi għadha trid tixhed. Il-Qorti laqgħet l-oġġezzjoni tal-prosekuzzjoni u ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, billi qieset il-gravità tal-akkużi u l-possibbiltà ta’ pressjoni jew intraċċ fuq il-provi. Il-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil qalet li m’għandhiex is-serħan tal-moħħ li joqgħod għall-ordnijiet tal-Qorti.
Il-Qorti laqgħet it-talba ta’ ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma. Il-Qorti ordnat lill-akkużat ukoll li waqt li qiegħed taħt arrest ma jistax jikkuntattja mill-ħabs jew jibgħatilha messaġġ. F’każ li jagħmel dan jist’a’ jiġi kkundannat għal sentejn ħabs jew multa ta’ €7,000 u saħansitra t-tnejn flimkien.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef flimkien mal-Avukat Jurgen Dalli mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat deher l-Avukat Noel Bianco.
//= $special ?>