Fit-tieni ġurnata tal-Kampjonat Taħt it-18 il-sena tan-nisa ta’ European Aquatics, fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, ilbieraħ filgħaxija Malta tilfet mas-Serbija 19 – 9.
Wara li fl-ewwel partita minn Grupp C, Malta għelbet lil Irlanda 14 – 11, kif wieħed seta’ jobsor it-tieni konfront kien wieħed diffiċli ħafna għat-tim Malta mmexxi minn Aurelien Cousin. Konfront li iżda riżultat apparti, kienet impressjonanti r-reazzjoni ta’ Malta fit-tielet sessjoni mirbuħa 5 – 3 .
Determinanti l-ewwel żewġ sessjonijiet fejn wara lis-Serbija rebħu l-ewwel sessjoni 4 – 0 komplew jiddominaw it-tieni sessjoni li rebħu 5 – 1 , F’din is-sessjoni għal Malta skorjat minn penalty Chloe Amato meta l-iskor kien 8 – 0 .
Wara l-mistrieħ it-tim Malta deher aħjar fejn wara li Serbija kienu 11 – 1 kienet Kaylen Cutajar li għamlet l-iskor 11 – 2 u wara Elisa Amato għal 11 – 3 . Malta fuq l-offensiva u Ella Muscat 11 – 4 sabiex immedjatament wara kienet Eyla Schembri li għamlet l-iskor 12 – 5 u qabel tmiem is-sessjoni kienet Elise Gatt li skorjat 12 – 6 bis-sodisfazzjoni li t-tim Malta rebaħ is-sessjoni 5 – 3.
Fl-aħħar sessjoni Ella Miceli għamlet l-iskor 13 – 7. Ħames gowls minn Serbija b’Malta tmur 18 – 8 permezz ta’ Eyla Schembri minn penalty sabiex l-aħħar gowl għal Malta skorjat minn Elisa Amato mis-centre għall-iskor finali ta’ 19 – 9.
L-appuntament hu għat-tielet partita fi Grupp C kontra Ukrajna.
//= $special ?>