Lokali Qorti

Mixli b’serq minn diversi siti ta’ kostruzzjoni

Raġel ta’ 30 sena bla xogħol ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli b’numru ta’ akkużi relatati ma’ serq minn siti ta’ kostruzzjoni. L-Ispettur tal-Pulizija Gabriel Kitcher spjega fil-Qorti li l-Pulizija rċeviet tmien rapporti ta’ serq minn dawn is-siti.

Huwa qal li minn filmati tas-CCTV li nġabru, instab li karozza BMW tidher f’diversi minn dawn il-filmati. F’uħud minnhom, l-akkużat jidher fil-karozza jew jimxi fl-inħawi. Luke Farrugia minn Ħaż-Żabbar ġie arrestat is-Sibt filgħaxija u tressaq il-Qorti akkużat b’serq minn tmien siti ta’ kostruzzjoni – sitta minnhom f’Ħaż-Żabbar u l-oħrajn f’Ħal Tarxien u Marsaskala.

Is-serq kien aggravat bl-użu ta’ mezz speċjali u mill-valur tal-oġġetti misruqa. Huwa ġie mixli wkoll li kkaġuna ħsara volontarja lill-proprjetà ta’ terzi. Barra minn hekk, ġie akkużat li kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest imposti f’April 2025 u li hu reċediv.

L-avukat tad-difiża Jacob Magri inizjalment ikkontesta l-validità tal-arrest, billi qal li l-akkużat ma ngħatax id-drittijiet tiegħu. L-Ispettur Kitcher wieġeb li l-akkużat ingħata d-drittijiet tiegħu u anke kkonferma dan fi stqarrija mal-Pulizija, li nqabdet u ntweriet fil-Qorti.

F’din l-istqarrija, l-ispettur jistaqsi lill-akkużat biex jikkonferma li rċieva d-drittijiet tiegħu. L-akkużat għamel sinjal b’rasu iżda ma weġibx bil-fomm. L-avukat tad-difiża sostna wkoll li l-akkużat kien ġie arrestat fuq l-istess akkużi f’April, u għalhekk, ma setax jiġi mixli mill-ġdid għall-istess każijiet, għaliex dan jikkostitwixxi ‘double jeopardy’ (kastigat darbtejn għall-istess reat).

Il-Qorti rrimarkat li din il-kwistjoni għandha titressaq fil-forum xieraq u mhux waqt li tressaq il-Qorti. L-Avukat Magri talab il-ħelsien mill-arrest, u qal li l-akkużat qed jaffaċċja serje ta’ akkużi simili. Żied li l-prosekuzzjoni kienet se tiddependi l-aktar fuq filmati tas-CCTV u ritratti meħuda minn dawk il-filmati, filwaqt li x-xhieda ċivili se jgħidu x’insteraq u jippreżentaw stima tal-valur tal-oġġetti.

Il-prosekutriċi Dr. Martina Calleja oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, billi qalet li l-akkużat seta’ jfixkel l-evidenza. Hija semmiet ukoll ir-rekord kriminali tiegħu, li jinkludi sentenzi ta’ ħtija li ma ffirmax fl-Għassa tal-Pulizija kif suppost kellu jagħmel u fejn ma obdiex ordnijiet legittimi, u qalet li dan juri li għandu karattru mhux ta’ min jafdah. L-Ispettur Kitcher żied li l-akkużat għandu problema serja tad-droga.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat. Madankollu, ħarġet ordni ta’ trattament fil-konfront tiegħu.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Martina Calleja, mill-Uffiċċju tal-Avukjat Ġenerali assistita mill-Ispettur Gabriel Kitcher. L-avukati Jacob Magri u Roberto Montalto dehru għall-akkużat.