Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli,
il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar
Bħalma kien il-każ għall-kapijiet oħra ta’ qablu dan talab minnu sagrifiċċju kbir. Ftit jirrealizzaw kemm hu kbir is-sagrifiċċju ta’ politiku. Aħseb u ara f’livell ta’ kap ta’ partit u Kap tal-Oppożizzjoni.
Ta’ dan jien grat lejh. Daħal għal biċċa xogħol kbira minn barra l-Partit u ma kellu l-ebda qamar il-għasel. Mill-ewwel kellu jmidd għonqu għax-xogħol u jitgħallem huwa u jterraq fi triqat il-politika. għax il-ħajja politika ma tagħti ċans lil ħadd.
Is-sondaġġi kefrin u meta tkun Kap kif jgħidu ‘the buck stops there’. Imma li jeħel dejjm il-kap u l-kap biss sew? Din qed tiġri spiss u allura jeħtieġ li naraw x’inhuma l-veri sfidi tal-Partit u nindirizzaw lilhom. Għax il-problemi la jissolvew billi ntajru l-irjus u anqas billi ndaħħlu rasna fir-ramel.
Forsi jien u hu mhux dejjem qbilna fuq kollox, u ma konniex dejjem ċari fl-istess ħsieb, fit-twemmin. Imma li hu żgur li qbilna f’ħafna affarijiet oħra għaliex bħali mhux elitista u huwa bniedem li jħobb in-nies.
Fuq kollox Bernard Grech kien japprezza s-sens ta’ moderazzjoni. Apprezza ferm l-impenn soċjali tiegħi u napprezza l-fatt tal-kuraġġ li kien jagħtini meta kien jiftaħar ma’ kulħadd li kien jammira l-fatt li rnexxieli nibni tim madwari biex il-politika jirnexxieli nagħmilha kelma.
Miegħu u taħtu bdejt il-proġett ‘Il Quddiem b’Dinjità li se nagħmel it-tnedija tiegħu fid-9 u l-10 ta’ Ottubru li ġej. Proġett ta’ sentejn li Bernard Grech ħa b’serjetà kbira. Mill-bidunett inkoraġġini ħafna, fejn nemmen li fil-fond ta’ qalbu kienet xewqa tiegħu li proġett bħal dan għandu jsir minn kull Deputat.Bir-raġun Bernard Grech ħassu on board f’dan il-proġett ‘Il Quddiem b’Dinjità’. Beda jara xogħol riċerkat, propożittiv, strateġiku, bi proposti ċari u kredibbli.
Konsistenza u serjetà
Bnejna kredibbilità bejn Kap u Deputat għax dejjem ra konsistenza u serjetà f’xogħli, kemm dak parlamentari u anki f’inizjattivi li rnexxieli ndaħħal fid-djarju tal-Partit Nazzjonalista bħal dik tal-Ġustizzja Soċjali u l-Premju Formidabbli fost oħrajn. Il-preżenza tiegħu f’dawn l-attivitajiet kienu dejjem minn ta’ quddiem, b’eċċezzjoni għall-aħħar Premju Formidabbli li saret fl-20 ta’ Ġunju li għadda, li minħabba impenn ma setax jattendi.
Taħtu ġew imbuttati wkoll diversi żgħażagħ, waqt meetings u anke f’karigi – bħal fil-każ ta’ Michael Piccinino li kien is-Segretarju Ġenerali, fost oħrajn.
Bla dubju nemmen u hawn irrid insellem lil dawk li forsi ma ngħatawx daqshekk importanza, għax mingħajr l-esperjenza tagħhom ibati kulħadd inkluż il-partit.
Ħadd mhu għar-rimi. It-tiġdid isir b’nies ġodda mingħajr ma jitwarrbu bnedmin t’esperjenza. Fl-aħħar mill-aħħar partit jitjieb lejn il-kontenut u mhux lejn bnedmin ħelwin, kapaċċissimi fis-soċial midja.
Fil-fatt minkejja li dan seħħ, madanakollu għadna sal-lum inbatu b’nuqqas ta’ żgħażagħ jersqu lejna. Fil-fatt tlieta fil-mija tat-tesserati biss huma żgħażagħ. Dan minkejja li l-proċess ta’ xi forma ta’ tiġdid kien sar.
Nixtieq nagħlaq bi ħsieb dwar martu Anne Marie, li kellha rwol importanti fil-ħajja politika ta’ żewġha. Kienet proattiva fl-attivitajiet soċjali, fejn hi wkoll ħolqot diversi inizjattivi fil-Partit Nazzjonalista fosthom “Ejjew sad-Dar” fi żmien il-Milied.
Kull meta għamlet sejħa sabet parteċipazzjoni minn bosta, u l-istess għamlet hi meta aħna d-Deputati ħloqna inizjattivi soċjali.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>