Opinjoni

OPINJONI: Ċertezza tad-dritt

Il-Kardinal Carlo Maria Martini

minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

Ftit jiem ilu, il-Ħadd li għadda, ftakarna fit-tlettax l-anniversarju minn meta ġie nieqes bniedem uniku. Fil-31 ta’ Awwissu 2012 ġie msejjaħ lura għand il-ħallieq. Persuna mimlija b’tjubija u għerf li ġabar frott l-esperjenza, il-qari, l-istudju u l-impenn dirett mal-bnedmin l-oħra. Twieled f’Torino fl-1927 sar Ġiżwita, wara Arċisqof ta’ Milan mill-1980-2002 u fl-1983 Kardinal. Carlo Maria Martini kien magħruf sew u msemmi minn uħud li seta’ wkoll intgħażel Papa. Kien ikun hu l-ewwel Papa Ġiżwita. Magħruf minħabba kitbietu. Dawk li sawwar bħala biblista. Kien Rettur tal-Pontificio Istituto Biblico f’Ruma u tal-Pontificia Università Gregoriana. Dak li ħa ħsieb li jkun hemm “Cattedra dei non credenti” biex seta’ jiftaħ bieb, post għad-djalogu bejn il-bnedmin ta’ fidi u dawk le fuq suġġetti urġenti ta’ attwalità. Għaref li anqas ma kien joqgħod lura milli jesprimi ħsibijietu. Anki jekk minħabba f’hekk sofra minn oħrajn.

Triq il-ġustizzja

Hemm diversi pubblikazzjonijiet tiegħu. Għandi jien ukoll xi wħud minnhom fil-librerija. Kull wieħed fih x’taqra u tgħarbel. Anki jekk ma għadux magħna xorta għadu rilevanti ħafna. Fost dawn għandi ġabra ta’ ideat tiegħu dwar il-ġustizzja. Il-ktejjeb jismu proprju hekk “Sulla Giustizia” (1999). Mimli b’kwotazzjonijiet u direzzjoni fosthom fuq il-ġustizzja riparatriċi li tibqa’ għall-qalbi fil-liġi li kelli l-unur u l-pjaċir li nġib fis-seħħ f’Jannar tal-2012. Fil-ktieb għandu ħsibijietu u dawk ta’ wħud mill-aqwa bnedmin ta’ kultura. Jiftaħ b’Origene (185-253 WK) “La giustizia, anche se e’ debole di forze, vince; invece l-ingustizia, anche se ha molti e vigorosi sostenitori, viene sconfitta.” (Il-Ġustizzja anki jekk dgħajfa u nieqsa mis-saħħa, tirbaħ; mentri l-inġustizzja, anki jekk għandha diversi sostenituri b’saħħithom, titlef.)

X’bibien għaliha

Ikompli fost oħrajn jiċċita lil Blaise Pascal (1623-1662) li jgħid hekk : “La giustizia senza forza e’ impotenente; la forza senza la giustizia e’ tirannica. Bisogna metter insieme la giustizia e la forza; e per giungervi occorre far si che cio’ che e’ giusto sia forte e cio che e’ forte sia giusto.” (Il-ġustizzja mingħajr forza hija impotenti; il-forza mingħajr hija ġustizzja tiranna. Hemm bżonn li wieħed iqiegħed flimkien il-ġustizzja u l-forza; u biex tasal jeħtieġ tassigura li dak li huwa ġust huwa b’saħħtu u dak li huwa b’saħħtu huwa ġust.) Martini jkompli josserva hekk hu; “In realtà se non si riscopre il fondamento divino, non si riesce a definire con chiraezza l-inalienabilita’ dei diritti umani e della giustizia tesa a rispettarli e a promuoverli.” (Fir-realtà jekk wieħed ma jiskoprix mill-ġdid il-pedament Divin, wieħed ma jirnexxilux jiddefinixxi b’kjarezza li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem ma jinbigħux kif l-anqas il-ġustizzja li qegħda hemm sabiex jiġu rispettati u promossi.)

Fil-libertà u ċ-ċertezza

Kunċetti li diversi jaqblu magħhom. Għalkemm wieħed jaċċetta wkoll li jiġi dikjarat fil-komun ma jfissirx l-istess għal min jiddikjarah. Kliem il-Kardinal huma mwielda min formazzjoni soda fid-duttrina soċjali tal-Knisja. Dik li diversi ma jaqrawx u oħrajn sfortunatament jiddisprezzaw. Kelli aktar ħin napprezza dan jien u ġej minn Copenhagen ftit jiem ilu waqt li kont qed naqra l-ktieb tad-deputat demokristjan Gianfranco Merli (1924-1998) “Don Angeli e i Cattolici democratici in Toscana.”(1978). Ktieb ispirat minn ħidmet Don Roberto Angeli (1913-1978). Saċerdot mimli b’għerf u li ġġieled fir-reżistenza maqbud u mibgħut fil-kampijiet tal-konċentrament. Magħruf l-iktar għall-ktieb tiegħu “Vangelo nei Lager; un rete nella resistenza” (1964).

Liġi morali

Fil-ktieb tassew interessanti ta’ Merli hemm miġbura l-lezzjonijiet li kien ta lil diversi studenti tul l-gwerra dwar ħidmet in-nisrani fil-politika. X’għandu jiġi protett, x’għandu jwettaq l-istat. Jgħid hekk: “Il compito dello stato e’ duplice; fornire la sicurezza giuridica (Compito negattivo) e promuovere il bene comune (compito posittivo).” (Ħidmet l-istat huwa doppju; jassigura s-sigurtà ġuridika (ħidma passiva) u jippromovi l-ġid komuni (ħidma attiva u pożittiva). L-awtur jiċċita aktar l-istess Don Roberto li waqt li jinsisti li kull stat għandu jipproteġi d-drittijiet fundamentali u dawk privati tal-familja u li ma jinsiex li hemm liġi morali superjuri jgħid hekk: “Chiamiamo sicurezza giuridica quella protezione che assicuri a tutti il pacifico uso dei loro diritti; alla vita, alla proprieta, alle legitime liberta’, all’onore ecc. Per questo lo Stato avra’ le sue leggi, le sue sanzioni, il suo tribunale; intesi non a far dominare un ceto, o una razza o un partito, ma a difendere e tutelare ogni singolo cittadino.” (Insejħu ċertezza ġuridika dik il-protezzjoni li tassigura lil kulħadd l-użu paċifiku tad-drittijiet tagħhom; tal-ħajja, tal-proprjetà, tal-libertajiet leġittimi, tal-unur eċċ. Għalhekk l-istat għandu l-liġijiet tiegħu, il-pieni, il-qrati; stabbiliti mhux biex jkun hemm id-dominju ta’ klassi, razza jew partit fuq oħrajn imma biex jiddefendi u jipprotegi kull cittadin.)

Ċiċerun

L-awtur jikkowta lil Ċiċerun li kien fakkarna li “legum servu sumus ut liberi esse pssomus” (Inservu l-liġi sabiex inkunu liberi). Però f’dan ikompli jissoda l-argument b’kitbet il-Papa Piju XII (1876-1958) fejn jiċċara aktar il-kunċett fid-duttrina soċjali taċ-ċertezza tad-dritt. F’dan insibu hekk fost punti oħra :“Cio’ suppone; a) un tribunale e un giudice che prendano le direttive da un diritto chiaramente formulato e circoscritto; b) chiare norme giuridiche che non possono essere stravolte con abusivi richiami ad un supposto sentimento popolare e con mere ragioni di utilita.” (Dan jitlob: a) Qorti u ġudikant li jieħdu d-direzzjoni tagħhom minn liġijiet kjarament miktuba u kontrollati; b) normi giuridiċi stabbli u ċari li ma jistgħux jinbidlu skont ċ-ċirkostanzi, b’abbużi minħabba s-sentiment popolari jew reġunijiet hekk imsejħa ta’ utilità.)

Parti mis-saltna tad-dritt

F’dan huwa iktar evidenti għalina llum fis-soċjetà tagħna li jkollna sistema ġuridika ċerta mhux biss fil-liġijiet miktuba u pubbliċi imma iktar ukoll fl-applikazzjoni taghħom. L-isforz legali u ġuridiku li jrid jiġi konfrontat b’aktar attenzjoni u preċiżjoni proprju għax il-liġi hija xjenza huwa proprju dan. Irid ikollna sistema li tinbena sabiex ikollna fil-libertà intelletwali u l-kuxjenza retta tal-ġudikant ċertezza tad-dritt. Fejn s-sistema ssegwi aktar li fuq punti legali ma jkunx hemm dubji jew inċertezzi kif kwistjonijiet legali ser jiġu finalment deċiżi. Sfida kbira fis-sistema legali tagħna bil-passat twil tagħha. Imma waħda li trid ideat ġodda sabiex tingħeleb u jkollna stat demokratiku li fih is-saltna tad-dritt tassigura aktar iċ-ċertezza tad-dritt.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 2 ta’ Settembru, 2025.