Charles Azzopardi
Shadow Minister
għad-Delizzji u t-Tagħlim ta’ Matul il-Ħajja
Jibqgħu f’moħħi l-kliem tal-Kap uxxenti Bernard Grech dakinhar fid-diskors emozzjonali tiegħu: “Għażiż Kap, jien irridek tirbaħ għax jekk tirbaħ int, tirbaħ Malta, jirbaħ Għawdex, jirbaħ il-Partit Nazzjonalista, nirbħu lkoll flimkien”.
Dan il-kliem jiddeskrivi bl-aktar mod ċar min huwa Bernard Grech, il-Kap li mexxa lill-Partit Nazzjonalista għal ħames snin sħaħ, il-persuna viċin in-nies, il-bniedem li qatt ma ried il-konfrontazzjoni waqt li għażel ir-rispett, il-kompromess u offra kull ħbiberija, fi żmien xejn faċli għall-Partit.
Il-persuna li daħlet għall-kariga ta’ Kap fi żmien xejn komdu, xejn feliċi, xejn sabiħ, bla ebda dubju diffiċli għalih quddiem sfidi kbar u sfidi li l-Partit Nazzjonalista għad għandu.
L-ewwel darba li ltqajt miegħu kien fid-dar tagħna. Fih stajt nara bniedem ta’ kariżma, dispost li jisma’ b’sens ta’ altruwiżmu u ottimiżmu. L-aktar ħaġa li spikkat fih kienet l-umanià tiegħu. Fis-siegħa li qattajna flimkien seta’ jifhem aħjar u mill-qrib, minn dak kollu li għaddejt minnu jiena u marti Maria matul is-snin twal li ħdimt u immilitajt fil-Partit Laburista. Bernard Grech dejjem u f’kull ħin kien dispost li jisma’.
Mhux sigriet, ma kinitx faċli għalija li nidħol b’ruħi u ġismi naħdem għall-Partit Nazzjonalista meta għal bosta snin okkupajt diversi karigi fil-Partit Laburista u kkontestajt mal-Lejber sitt elezzjonijiet. Meta kont Kunsillier, l-ewwel Sindku Laburista r-Rabat, fl-2003 (meta kont bdilt maġġoranza li kienet Nazzjonalista) u dan fi żmien meta l-PN kien b’saħħtu fil-Gvern fl-aqwa żmien ta’ Eddie Fenech Adami meta Malta ntalbet tiddeċiedi jekk tridtx tkun membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea jew le.
Ridt inħossni aċċettat fil-Partit Nazzjonalista u fdat. Dan meta wkoll kont għal darbtejn Sindku mal-Lejber u Kandidat mal-Partit Laburista tliet darbiet fl-Elezzjoni Ġenerali. Bernard Grech wera sens kbir ta’ fiduċja fija, l-aċċettazjoni mingħandu waslet komda u fl-affermattiv. Dan meta kien ilu ftit xhur jokkupa l-kariga ta’ Kap. Dakinhar niftakar x’kont għedtlu.
Strument sempliċi u tal-għaġeb
Wisq nibża’ li bosta sejrin iqisuni bħala ‘pinnur. Il-qagħda tiegħi miegħu kont iddiskrivejtha bħala dik ta’ pinnur. Iżda fl-istess ħin, it-tnejn li aħna qbilna li ‘pinnur huwa strument sempliċi u tal-għaġeb, u bżonjuż biex wieħed ikun jaf fejn qiegħed – bis-saħħa tiegħu li jiċċaqlaq! Il-pinnur idur bis-sens, mhuwiex staġnat, u d-direzzjoni li jindika hi d-direzzjoni tal-verità. Meta pinnur jieqaf u jiġġammja, ikun sar sgombru, biċċa imbarazz hu wkoll. Ma jkunx baqa’ pinnur.
Lil Bernard Grech kien ikiddu l-fatt li ċerti Deputati ma kinux iżommu l-kuntatt regolari miegħu kemm xtaq hu. Għax Bernard Grech ma kienx biss jinteressah mill-ħidma tiegħek, imma kien dispost li jisma’ mingħandek dak li forsi qed idejqek, dak li qed jinkwetak u dak li inti personalment għaddej jew għaddejja minnu. Ir-relazzjoni tiegħu magħna riedha tkun waqt ta’ ħbiberija u rispett reċiproku. Qatt ma niftakar li ħassejt il-figura dominanti fuqi ta’ Kap Nazzjonalista u jiena ta’ Deputat.
Dan wassal biex dejjem kelli r-rispett lejh bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u jibqa’ jkolli r-rispett lejh għal dak li kien, għal dak li għamel għall-Partit u għalih Bernard Grech il-persuna sensittiva, il-persuna lesta li tisma’, tifhem u tħoss il-ħtiġijiet personali ta’ kulħadd, int min int, ta’ kull wieħed u waħda.
Matul il-kariga tiegħu ta’ Kap il-Partit Nazzjonalista kompla jkun aktar inklussiv u fil-Partit kompla jattira persuni li għal xi raġuni jew oħra kienu tbiegħdu u ddistakkaw ruħhom mill-Partit. Bernard Grech ħadem bis-sħiħ biex il-PN joffri Gvern li jservi lil kulħadd fejn il-bniedem, hu min hu ikun fiċ-ċentru tal-politika.
Wieħed ifakkar li taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech kien hemm numru ta’ kisbiet li għamilna flimkien. Wieħed isemmi t-titjib importanti li sar minn NET FM u NET Television, l-interess li żdied fil-ġurnali tal-Partit In-Nazzjon u Il-Mument, ir-rebħa għall-ġustizzja għal Jean Paul Sofia, il-ħafna proposti importanti u l-viżjoni li kompla joħroġ bihom il-PN, u mhux lanqas ir-riżultat elettorali ta’ Ġunju 2024 kemm fl-elezzjonijiet Ewropej u kemm f’dawk lokali.
Nagħlaq dan l-artiklu, mingħajr ma nonqos li nirringrazzjah tal-ħidma tiegħu li xejn ma kienet waħda faċli għal bosta raġiniet u nirringrazzja lil martu Anne Marie u lil uliedu Karl u Maria li kienu miegħu f’kull ħin u f’kull mument sabiħ u ikraħ matul il-vjaġġ tiegħu ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>