Opinjoni

OPINJONI: Impenn għal titjib fil-kwalità tal-ħajja

Kull Kap li kellu l-Partit Nazzjonalista ħadem mhux biss għall-ġid tal-Partit imma wkoll għall-ġid tal-pajjiż u tal-poplu Malti u Għawdxi kollu

David Agius
Shadow Minister għall-Fondi Ewropej
u l-Isport

Bernard Grech saħħaħ l-għaqda fi ħdan il-Partit, ġab l-aħjar riżultati elettorali fl-aħħar snin iżda wkoll ħadem bis-sħiħ biex il-poplu jkollu soluzzjonijiet għall-problemi li Malta u Għawdex qegħdin fihom.
Mingħajr tisbit tas-saqajn u għajjat żejjed, Bernard Grech ippropona bosta soluzzjonijiet dwar kif pajjiżna jista’ joħroġ mill-isqaq li Malta daħlet fih bil-politika tal-Gvern tal-Labour.
Ir-responsabbilità ewlenija tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna hija l-politika li ħaddan il-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar tlettax-il sena u l-mudell ekonomiku li adotta. Mudell ekonomiku li żied il-popolazzjoni bil-kbir f’daqqa u li wassal għal żieda fid-domanda għal diversi prodotti u komoditajiet u allura żied il-prezzijiet.
Dan flimkien mat-tħanżir u t-tberbiq tal-Gvern għal dawk tal-qalba, u d-deals frawdolenti li faqgħu l-pajjiż bid-dejn u għamlu deficits kbar kull sena, infiq li wkoll għandu effett fuq l-inflazzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ Bernard Grech għamel diversi proposti biex jindirizza din l-isfida, li jinkludu:
■ Iż-żieda tal-COLA ma tkunx taxxabbli.
■ Il-Gvern jagħti tax credits lil min iħaddem biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-COLA.
■ L-ewwel 10,000 ewro mill-overtime u l-part time ma jkunux intaxxati.
■ Jinħoloq Fond Nazzjonali li jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu impatt fuq l-għoli tal-ħajja.
Il-korruzzjoni fniet lil pajjiżna. Il-korruzzjoni saret l-ordni tal-ġurnata b’rapporti sħaħ u b’mod kontinwu fil-mezzi tax-xandir li fihom tispikka n-nuqqas ta’ rieda politika mill-Gvern Laburista li jaġixxi b’mod deċiżiv u qawwi kontra l-korruzzjoni. Anzi, il-korruzzjoni f’pajjiżna reġgħet saret istituzzjonalizzata.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika
Għalhekk Bernard Grech baqa’ jisħaq li għandhom jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia billi, fost l-oħrajn, fil-Kostituzzjoni jkunu elenkati d-dmirijiet ta’ Gvern interim (caretaker), fil-Kodiċi Kriminali jiżdied ir-reat ta’ intraċċ tal-Ġustizzja, ikunu introdotti reati ġodda dwar meta Uffiċjal Pubbliku b’mod doluż jonqos minn dmiru, ikun introdott reat ġdid dwar il-kriminalità organizzata billi jipprovdi għall-assoċjazzjoni kriminali ta’ bixra mafjuża, l-Att dwar il-Money Laundering jipprovdi għall-ħruġ ta’ Unexplained Wealth Orders, fl-Att dwar il-Midja u l-Malafama tiżdied protezzjoni kontra kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP suits).
Flimkien ma’ dawn, Bernard Grech appoġġa bis-sħiħ numru ta’ proposti li saru mill-OECD dwar it-tisħiħ tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, li ħafna minnhom huma fl-istess spirtu ta’ numru ta’ proposti li għamel il-Partit Nazzjonalista stess dwar dan, u li jinkludu wkoll tibdil fil-mod kif inhu kompost il-Kumitat Parlamentari li jaqa’ taħt dan l-Att, sabiex l-Istandards mistennija mill-politiċi jogħlew.
Fil-qasam li Bernard Grech afdali, ċioè l-isports, huwa dejjem saħaq li l-isports għall-Partit Nazzjonalista mhux sempliċiment aċċessorju jew delizzju imma huwa wkoll suġġett akkademiku, fejn kull sport jista’ jkun parti integrali mill-ħajja bħala karriera u li jingħata l-istess attenzjoni daqs kull suġġett akkademiku ieħor.
L-isport ghamilnih parti mil-ħidma tal-Partit, inkluż fil-festi tal-Indipendenza u f’laqgħat mal-komunitajiet sportivi, inkluż djalogu l-Ħadd filgħodu mal-isportivi f’Birkirkara, laqgħa organizzata minni flimkien ma’ Tim Sport Partit Nazzjonalista fejn Bernard Grech wiegħed Ministru għall-Isport f’pajjiżna u erba’ villaġġi sportivi: fl-Università, fil-Marsa, f’Ta Qali u f’Għawdex.
Kont ukoll Kandidat tal-Parlament Ewropew fejn flimkien ma’ sħabi u ma’ Bernard Grech ġibna riżultat inkoraġġanti fl-elezzjonijiet u issa nħares ’il quddiem għal aktar ħidma ma’ Bernard Grech.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd  31 ta’ Awwissu, 2025.