Opinjoni

OPINJONI: Kap li tana l-fiduċja għal rebħa mill-ġdid

Kelli l-vantaġġ li lill-Kap Bernard Grech insir nafu mhux biss bħala politiku, iżda fuq livell personali. Rajtu jispikka politikament

Darren Carabott
Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà
u r-Riformi

Iżda kelli l-opportunità wkoll li rajt il-lat personali tiegħu wkoll – kemm fi żminijiet ta’ ferħ u anke f’sitwazzjoni fejn fehem il-weġgħa ta’ nies fil-privat, mingħajr daqq ta’ trombi.
Għalija dan hu l-legat li se jħalli, fejn wera li l-politika tal-Partit Nazzjonalista mhix li tuża r-realtajiet tan-nies għall-vantaġġ politiku. Iżda juża l-politika għall-vantaġġ tan-nies li ġew għand il-Partit Nazzjonalista biex itejbu ħajjithom. Dan hu eżempju għalina li bdejna l-vjaġġ Parlamentari riċentement.
Bernard Grech daħħal ġenerazzjoni ġdida ta’ deputati fil-Partit Nazzjonalista – demm ġdid, ideat friski u enerġija ġdida. Għadd ta’ żgħażagħ li llum qed iservu lill-poplu Malti u Għawdxi ġew imħeġġa u mogħtija l-opportunità taħt it-mexxejja tiegħek. Dan mhux biss kien pass strateġiku, imma wkoll sinjal ta’ fiduċja fil-futur.
Tana l-ispazju biex naħdmu. Afda lilna d-deputati ġodda, b’portafolli kbar bħala Shadow Ministers. U mhux biss – emmen fl-ideat tagħna. Fuq nota personali fuq dan il-punt tal-ideat, se nibqa’ nżomm viċin tiegħi kemm sibtek ta’ appoġġ fuq il-proposta li ħdimt fuqha u ppreżentajt fil-Parlament: biex l-Ambjent isir dritt fundamentali ta’ kull Malti u Maltija fil-Kostituzzjoni tagħna. U mhux biss, tant li emmint li għandha tkun fuq livell Ewropew, mhux biss nazzjonali – u inkludejta fil-miri tagħna fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Ir-rebħa hi possibbli
F’din l-istess elezzjoni u dik tal-Kunsilli Lokali, sena ilu taħt it-tmexxija tiegħek, il-Partit Nazzjonalista kiseb riżultat li reġa’ ta tama lil ħafna. Għal darb’oħra, in-nies bdew jemmnu li r-rebħa hi possibbli. Id-distakk bejn il-partiti niżel għal ftit eluf – mument ta’ sodisfazzjon u anki motivazzjoni biex inkomplu nibnu fuq dan is-suċċess.
Bir-riżenja tiegħek tajt prova oħra ta’ tmexxija responsabbli. B’din id-deċiżjoni personali, għażilt li tpoġġi l-ġid tal-pajjiż u tal-Partit qabel kollox. M’hemmx akbar prova ta’ maturità politika minn dik li tirrikonoxxi meta wasal il-waqt li tħalli t-tim imexxi b’mod ġdid. Din hi lezzjoni għal ħafna – li tmexxi mhux biss tfisser li tkun quddiem, imma li taf ukoll meta tagħmel pass lura għall-ġid ta’ kulħadd.
Il-Partit Nazzjonalista għaddej minn bidla, minn tiġdid kontinwu. U Bernard Grech hu katalist ewlieni f’dan il-proċess. Se jħalli warajh esperjenza, ideat u mħabba lejn il-politika mibnija fuq il-valuri – u ċert li se nibqgħu nsibuh. Għamel dan kollu b’dinjità, b’umiltà u b’qalb.
Grazzi ta’ kollox Kap Bernard Grech. Grazzi talli emmint fina, grazzi talli emmint fil-ġenerazzjoni l-ġdida, u grazzi talli poġġejt il-pajjiż l-ewwel.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd  31 ta’ Awwissu, 2025.