Albert Buttigieg
Shadow Minister għall-Familja
u s-Sigurtà Soċjali
Għalkemm Bernard ma kellux esperjenza politika imma matul dawn is-snin li kien kap kien dejjem viċin in-nies. Ma kienx persuna maqfula f’uffiċċju.
Għall-kuntralju, huwa dejjem ra kif jiltaqa’ u jisma’ lin-nies u jipprova jifhem id-diffikultajiet li huma kellhom. Forsi għalhekk fid-diversi interventi tiegħu kien dejjem isemmi eżempji konkretti ta’ stejjer li huwa ltaqa’ magħhom.
Nemmen li dan huwa eżempju għalina lkoll li dħalna fil-politika. Huwa ferm importanti li nagħrfu li huwa importanti li nkunu viċin in-nies. Huwa proprju meta nkunu viċin in-nies, nistgħu nitkellmu fuq dak li jħossu n-nies.
Bernard kien u għadu politiku ta’ valuri
Għalkemm huwa importanti li nkunu viċin in-nies għaliex b’hekk biss wieħed jista’ jifhem id-diffikultajiet u l-isfidi tagħhom, hemm il-periklu li biex nintgħoġbu nispiċċaw li nkunu populisti, jiġifieri li ngħidu biss dak li jridu jisimgħu n-nies!
Bernard ma kienx u mhuwiex dan it-tip ta’ politiku. Filwaqt li xi wħud mill-politiċi jibnu l-politika tagħhom fuq il-populariżmu u fuq kemm jieħdu selfies, huwa għaraf li jitkellem fuq il-valuri.
Bernard kien politiku tal-valuri. Kemm huwa importanti li nieħdu wkoll dan l-eżempju u nibnu l-politika tagħna fuq il-valuri bħalma huma l-valuri tas-solidarjetà, tal-familja, tal-ġustizzja soċjali, tal-ħarsien tal-ambjent, tal-governanza tajba u numru ieħor ta’ valuri.
Nemmen li dawn huma l-valuri li juruna li aħna partit differenti mill-Partit Laburista li spiċċa jitlef kull valur u spiċċa biegħ ir-ruħ Laburista. Għall-kuntrarlju, Bernard, akkost li ma jidhirx dejjem sabiħ, anke ma’ numru ta’ partitarji Nazzjonalisti, kien dejjem fidil lejn dawn il-valuri.
Bernard kien u għadu wkoll persuna onesta
Għalkemm nisimgħu ħafna li l-politika hija maħmuġa u li wieħed jispiċċa jitħammeġ biex iżomm is-siġġu tiegħu, Bernard daħal fil-politika ‘nadif’ u ħareġ mill-rwol tiegħu ta’ Kap, ‘nadif’ ukoll.
Dan għamlu għaliex dejjem żamm quddiem għajnejh li huwa daħal fil-politika biex ikun ta’ servizz u mhux biex jinqeda u jitħanżer. Dan huwa eżempju ieħor għalina lkoll.
Dħalna fil-politika għaliex verament nemmnu li nistgħu nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ ċittadini tagħna. Min daħal biex jisserva fil-politika, spiċċa biex tħammeġ hu u oħrajn.
Bernard kienu għadu persuni umli
Għalkemm huwa kien il-Kap tal-Oppożizzjoni, kariga Kostituzjonali imma dejjem għaraf li ma jħallix il-poter jitla’ għal rasu u jara lil oħrajn dubbien.
Sfortunatament, xi wħud jinterpretaw l-umiltà mad-dgħjufija ta’ karattru. Dan huwa żball kbir. Wieħed jista’ jkun umli imma fl-istess waqt li jkun wkoll assertiv. S’intendi kulħadd għandu l-karattru tiegħu.
Bernard kien u għadu raġel tal-familja
Għalkemm il-ħajja ta’ politiku u wisq aktar ta’ Kap ta’ Partit hija impenjattiva, Bernard dejjem kien u għadu jagħti importanza lill-familja tiegħu.
Bħala kelliem għall-familja, jiena napprezza dan l-eżempju għaliex nifhem kemm il-familja, meqjusa bħala l-bastun tal-pajjiż, hija importanti.
Nafu wkoll kemm-il familja tal-politiku trid tagħmel ukoll sagrifiċċju biex il-polititku jkun jista’ jagħti sehmu bħala politiku. Għaldaqstant, nixtieq ukoll nirringrazzja lill-mara u lit-tfal ta’ Bernard tas-sagrifiċċju u l-impenn tagħhom biex huwa seta’ jaqdi dmiru sew.
B’mod partikolari wieħed jirid isemmi lil mara tiegħu fid-dawl li kulħadd kien japprezza l-preżenza konstanzi tagħha matul dawn is-snin.
Ninqeda b’dawn il-kelmiet biex ngħid grazzi minn qalbi lil Bernard. Għalkemm mhux dejjem qbilna (fuq kollox din hija d-demokrazija li fil-Partit tagħna hija meqjusa bħala valur) imma dejjem irrispettajna lil xulxin u flimkien ħdimna għall-ġid mhux biss tal-Partit imma tal-pajjiż.
Nirringrazzjah ukoll li fil-kariga ta’ shadow minister dejjem għaraf jagħtini responsabbiltajiet li fihom għandi mhux biss il-preparazzjoni akkademika imma wkoll esperjenza u r-rieda t-tajba.
Grazzi Bernard u awguri għal futur tiegħek.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>