Opinjoni

OPINJONI: Politiku ta’ valuri u konsistenza

Matul il-karriera politika tiegħu Bernard Grech wera konsistenza u dedikazzjoni permezz ta' tmexxija bbażata fuq il-valuri

Graziella Galea
Shadow Minister għall-Inklużjoni
u l-Volontarjat

Matul is-snin li ilni attiva fil-Partit Nazzjonalista, nista’ ngħid li kelli ċ-ċans li nkun naf numru kbir ta’ persuni li ġejt f’kuntatt magħhom. Fost l-oħrajn, peress li minn tfuliti kont nattendi laqgħat tal-Partit flimkien ma’ missieri, iltqajt mal-kapijiet kollha li l-Partit kellu minn Eddie Fenech Adami sal-lum. Wara Eddie ġew, Lawrence Gonzi, Simon Busuttil, Adrian Delia u Bernard Grech. Ma’ dawn ħdimt b’mod dirett permezz tad-diversi rwoli li kelli fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech laħaq Kap tal-Partit meta kien ilni bosta snin naħdem fil-Partit Nazzjonalista fejn servejt f’diversi karigi fosthom tnax-il sena fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, inkluż tmien snin bħala Sindku.
Nistqarr li lil Bernard Grech ma kontx nafu, ħlief għal xi ftit drabi li smajtu jitkellem fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni tal-Partit, fejn kien ikun preżenti bħala avukat u mhux bħala politiku.
Meta Bernard Grech laħaq Kap tal-Partit kont qed inservi bħala Minority leader fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, u wkoll fl-Eżekuttiv tal-Partit. Hemm kelli ċ-ċans li nsir naf lil Bernard Grech b’mod aħjar.
F’Jannar 2022 bdejt inservi fil-Grupp Parlamentari. Għadni niftakar qisu lbieraħ meta Bernard Grech infurmani li ser ikun qed jipproponi lill-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex niġi co-opted fil-Parlament. Mument li żgur ħa nibqa’ niftakar. Ftit wara ssejħet l-Elezzjoni Ġenerali.
Meta bdejt nifforma parti mill-Grupp Parlamentari, bdejt niltaqa’ miegħu b’mod ferm iktar regolari. Bħala membru tal-grupp parlamentari kelli d-dover li nsir naf aħjar lil sħabi kollha tal-Grupp, imma b’mod partikulari lill-Kap tal-Partit.
Meta, wara l-Elezzjoni ta’ 2022, il-Kap għażilni biex insegwi l-oqsma tal-volontarjat u tal-persuni b’diżabbiltà kelli ċ-ċans li nifhem iktar il-linja tal-ħsieb tal-Kap.
Ma’ Bernard Grech kont niltaqa’ regolarment ma’ gruppi ta’ volontarjat inkluż dawk li jindirizzaw il-qasam tad-diżabbiltà. Flimkien segwejna u indirizzajna l-kwistjonijiet li kienu jitressqu. Din id-dedikazzjoni kienet apprezzata minn bosta speċjalment minn dawk l-inidividwi jew gruppi li konna niltaqgħu magħhom.

Pożizzjoni konsistenzi
Kull meta ltqajna ma’ gruppi partikulari ta’ persuni li għandhom bżonn partikolari, jew li jaħdmu fi gruppi partikolari ta’ volontarjat, dejjem ipprova jsegwi mill-qrib dak li konna qed niddiskutu. Nista’ nistqarr li qatt ma kien hemm każ fejn wara li ddikjara xi pożizzjoni waqt il-laqgħat, imbagħad ħa pożizzjoni differenti, meta ġejna biex niddiskutu l-pożizzjoni tal-Grupp Parlamentari. Kien konsistenti fil-pożizzjoni privata u dik pubblika li konna nieħdu.
Matul dawn l-aħħar tliet snin u nofs, allura kelli ċ-ċans ninnota ferm iktar mill-qrib, x’inhuma l-ħsibijiet soċjali ta’ Bernard Grech. Rajt realtà li b’mod konsistenti, u perseveranti l-Kap kien jemmen fiha.
Matul il-karriera politika tiegħu Bernard Grech wera konsistenza u dedikazzjoni permezz ta’ tmexxija bbażata fuq il-valuri. Għalkemm il-kariga ta’ Kap tal-Partit mhix kariga faċli, Grech dejjem ġarr ir-responsabilità politika, affaċċja opinjonijiet differenti u sfidi interni, filwaqt li mexa b’ġustizzja u trasparenza.
Minbarra li sirt naf lil Bernard, sirt naf lill-mara tiegħu Annmarie kif ukoll liż-żewġ uliedu Neil u Maria. Hawn stajt ninnota l-għaqda fil-familja Grech fejn il-familja kienet sors ta’ appoġġ qawwi għal Bernard. Annmarie dejjem kienet ta’ spalla għal Bernard fejn kemm-il darba ddiskutejna u għamilna żjarat flimkien b’mod partikolari fl-oqsma li jiena nsegwi. F’mumenti sbieħ u dawk inqas sbieħ stajt nara d-dedikazzjoni ta’ din il-familja sabiex Bernard iwettaq il-ħidma tiegħu bl-aħjar mod, b’mod effettiv u b’saħħtu. Familja li hi xempju ta’ mħabba u ta’ sostenn lil xulxin.
Wara ħames snin Kap, Bernard Grech iddeċieda li ma jkomplix bħala Kap. Il-karriera politika ta’ Bernard Grech turi kemm hu persuna li mhux biss voċiferu fil-pubbliku iżda wkoll persuna li taħdem b’serjetà u integrità fil-privat, u li jħares lejn il-ħtiġijiet tal-komunità kollha. Nistqarr li matul dan iż-żmien tgħallimt ħafna. Kienu snin ta’ ħidma kontinwa.
Illum filwaqt li nawgura suċċess lil Bernard Grech għal dak kollu li jista’ jiddeċiedi li jagħmel minn issa ’l quddiem, ngħidlu grazzi għal dak li tgħallimt mingħandu. Mhu ser ninsa qatt dawn is-snin u nispera li nkun nista’ ntejjeb dak kollu li kien tajjeb u li tgħallimt minn dak li seta’ sar aħjar.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.