Bernice Bonello
Shadow Minister
għaż-Żgħażagħ
Lil Bernard Grech inqisu mhux biss politiku ta’ stima imma anki missier ta’ eżempju u li lest biex jinkoraġġixxi u jimbotta lil dak li jkun biex ma jibżax jagħmel il-pass li jkun imiss li jagħmel.
Dan qed nistqarru għax personalment – iva direttament jien stess – esperjenzajt lil dan ir-raġel jimbottani fil-veru sens tal-kelma biex ma nibżax nidħol fil-politika.
Bernard Grech li kull darba li kien jarani kien jgħidli li jemmen fija u li iva jien stajt nagħti kontribut – nagħti servizz – fil-kamp tal-poltika. Il-politika biex isservi u mhux biex tisserva; il-politika biex tagħti u mhux biex tieħu. Il-politika biex tisma’ l-karba tan-nies u twassalha fejn għandek twassalha.
F’dan ir-raġel hekk nara… nara politiku li daħal fil-politika biex jagħti u jaqsam. Biex ikun ta’ servizz għan-nies. Biex jagħmel il-ġlidiet favur in-nies ħalli jkollhom kwalità ta’ għajxien aħjar; ħalli jkollok aktar kwalità sabiħa ta’ ħajja.
Kemm-il darba Bernard Grech insista fuq il-valur tal-familja? Kemm-il darba Bernard Grech insista fuq li l-bniedem ikollu aktar ħin ta’ kwalità biex igawdi l-ħajja. Il-ħajja li hi qasira u li kull pesuna għandha tgawdi meta tkun fl-aqwa tagħha. Bernard Grech dejjem wassal messaġġ qawwi u ċar… dak li x-xogħol hu ferm importanti, iżda daqstant ieħor hu ferm importanti s-serħan tal-moħħ u l-ħin ta’ kwalità mal-familja.
Partit jemmen fiż-żgħażagħ
Bernard Grech li emmen fija u mbottani biex nidħol fil-politika u tani f’idi d-dekasteru tant importanti taż-żgħażagħ. Għax anki jien żagħżugħa u nħobb liż-żgħażagħ. U f’dan is-settur dħalt b’ruħi u b’ġismi biex inwassal il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista fost iż-żgħażagħ. Għaliex il-Partit Nazzjonalista jemmen fiż-żgħażagħ. Bernard Grech kien jogħxa jiltaqa’ maż-żgħażagħ u ma ninsa qatt id-diversi gruppi ta’ żgħażagħ li kienu jiġu d-Dar Ċentrali fl-okkażjoni tal-gradwazzjoni tagħhom.
Grazzi lil dan ir-raġel kbir li tani ħafna eżempji li se nibqa’ ngħożż tul ħajti kollha. Fuq quddiemnett li ma naqtax qalbi. Fuq quddiemnett ukoll li nemmen fija nnifsi. Li ma nibżax mill-isfidi imma nagħraf kif l-isfidi nibdilhom f’opportunitajiet ta’ ġid u servizz.
L-għodda tal-politika hi waħda ferm sabiħa u nobbli u Bernard Grech dejjem fittex li jkun viċin il-polz tan-nies. Kullimkien. Fid-djar tan-nies u fil-pjazez. Anki fil-postijiet tax-xogħol u fil-postijiet fejn in-nies jiltaqgħu għal ftit ta’ ħin ta’ mistrieħ.
Jien se nkompli nġorr miegħi l-pariri li dejjem tani Bernard Grech. Se nkompli naqdi dmiri b’diliġenza u b’assidwità fil-Parlament. Fuq kollox se nibqa’ viċin in-nies u nisma’ dak kollu li jkollhom xi jgħidu; il-karba tagħhom; is-suġġerimenti tagħhom… iva se nibqa’ noħroġ idi u nara li din tkun wens għal dawk kollha ta’ madwari.
Kif wara kollox kien Bernard Grech… li fis-skiet u ħafna drabi mingħajr daqq ta’ trombi biex juża l-għodda tal-poltika biex jagħmel il-ġid.
Grazzi lil dan il-politiku kbir u grazzi wkoll lill-familja tiegħu li dejjem kienet hemm biex tappoġġjah. Spalla u sostenn.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>