Graziella Attard Previ
Shadow Minister għall-Ugwaljanza,
il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal
Min ma jkunx jaf mill-qrib lil ċertu nies li għandhom xi kariga importanti, nies f’xi awtorità jew personalitajiet popolari kultant jinsa li wara dak il-wiċċ li bosta drabi jaraw fuq it-televixin jew fuq il-mezzi soċjali jkun hemm bniedem.
Wara kull wiċċ jew leħen popolari, hemm il-bniedem mimli esperjenzi tal-ħajja, il-bniedem bil-karattru uniku tiegħu u l-bniedem bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu… bħal kull wieħed u waħda minna.
Għal bosta, Bernard Grech kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Oppożizzjoni fl-aħħar snin. Ħafna kienu jafuh minn qabel bħala opinjonista fuq il-mezzi tax-xandir. Oħrajn iltaqgħu miegħu fil-professjoni tiegħu ta’ avukat.
Iżda għalija Bernard Grech kien iktar minn hekk. Kemm kien ilu Kap tal-Partit ħdimt ma’ Bernard Grech mill-qrib, aktar u aktar bħala Deputat Parlamentari fl-aħħar tliet snin.
Nista’ ngħid għalhekk li lil Bernard Grech sirt nafu aħjar. Huwa bniedem li jisma’, bniedem li jagħti każ, bniedem li japprezza, bniedem li jempatizza. Meta afdani biex inkun kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tat-Tfal wera li jafni sew. Wera li għandu fiduċja fija bħala professjonista fil-qasam tas-social work u anke wera li apprezza l-ħidma li jien kont wettaqt fis-snin preċedenti fil-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-PN.
Fuq livell aktar personali, fl-aħħar xhur, meta kont għaddejja minn mumenti diffiċli u iebsin minħabba l-mard li għadda minnu l-papà u li aktar tard wasslu għat-telfa tiegħu, Bernard Grech kien hemm.
Appoġġ u empatija kbira
Ma nista’ qatt ninsa l-appoġġ u l-empatija tiegħu. Minkejja li bla dubju kien bniedem imħabbat ħafna minħabba l-kariga importanti li kellu, Bernard Grech kemm-il darba ħa ħsieb li jċempilli personalment biex jara kif jien u biex f’dawk il-mumenti diffiċli jserraħli moħħi u qalbi li posti kien maġenb il-papà. Dan is-sostenn ta’ Bernard Grech nibqa’ napprezzah.
Kien jaf li għalkemm aħna persuni pubbliċi, għalkemm aħna għandna obbligi parlamentari li ma jistgħux jitwarrbu, imma aħna wkoll għandna qalb li tħoss. Aħna wkoll għandna l-problemi tagħna, ilkoll ngħaddu minn żminijiet diffiċli li jolqtuna personalment.
Dawn is-sentimenti u l-aġir imprezzabbli ta’ Bernard Grech żgur li mhu se ninsihom qatt. Bla dubju li Bernard Grech dan fehmu sew għaliex anke hu, fuq livell personali, kemm dam fil-kariga għadda wkoll minn mumenti diffiċli u minn telfiet familjari. U għalhekk ninżagħlu l-kappell għax minkejja kollox baqa’ għaddej bla waqfien minkejja dak li kien qiegħed iġarrab.
U l-ħidma tiegħu ħalliet ukoll il-frott. Żgur li ma kienx faċli għalih li jidħol għal kariga ta’ Kap fi żminijiet pjuttost diffiċli għall-partit. Iżda l-għaqal u l-perseveranza tiegħu wasslu biex ġab iktar għaqda fil-partit, għax ta post lil kulħadd, jew lil kull min ried jikkontribwixxi.
U dan kien evidenti aktar fir-riżultati miksuba fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali fejn il-Partit Nazzjonalista wera li għadu relevanti, żid il-voti, kiseb it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew u akkwista maġġoranzi ġodda u żied in-numru ta’ kunsillieri f’diversi lokalitajiet.
Dan ma kienx b’kumbinazzjoni. Il-ħidma sfiqa ta’ Bernard Grech, il-kollaborazzjoni ma’ diversi persuni, il-proposti, l-argumenti validi, u nżid ukoll l-umanità ta’ Bernard Grech li wriha biċ-ċar fi kwistjonijiet nazzjonali imma wkoll personali bħall-għajta tiegħu għal inkjesta pubblika fil-każ ta’ Jean Paul Sofia, wasslu biex il-Partit Nazzjonalista jkun gvern alternattiv.
Insellimlek Kap u grazzi ta’ kollox!!
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>