Quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil, Bronia Spiteri ta’ 45 sena minn San Pawl il-Baħar ammettiet li serqet madwar €250 f’tips mill-kiosk Sundancer fil-Mellieħa, filwaqt li l-ko-akkuzat tagħha, Steve Frendo ta’ 37 sena, wieġeb li mhux ħati.
L-inċident seħħ fit-24 ta’ Awwissu għall-ħabta tal-11pm meta l-proprjetarja tal-kiosk irrapurtat li l-vażett tat-tips kien ittieħed u l-flus tiegħu ttieħdu. Skont ix-xhieda tagħha, ftit sigħat qabel kienu daħlu żewġ persuni li tkellmu mal-impjegat li kien fuq il-‘cash’.
Waqt li kien għaddej id-djalogu, il-mara ħadet il-vażett, ħadet il-flus u tefgħethom fil-basket tagħha u reġgħatu poġġiet f’postu. Dan kollu nstab ġie kkonfermat minn filmati tas-CCTV tal-kiosk. Fil-footage deher ukoll Frendo, li kien qed jinteraġixxi u jitkellem magħha.
Wara l-inċident, Spiteri marret ruħha għand is-sid u talbitha ma tirraportax, offrietha €20 u wegħditha li kienet se tagħti l-ammont sħiħ. Iż-żewġ suspettati ġew arrestati aktar tard. Spiteri ammettiet l-akkużi u kkonfermat li wettqet ir-reat fi żmien li kienet għadha taħt sentenza sospiża, filwaqt li hija reċidiva.
Dehret ħafna emozzjonata u qalet fil-qorti li l-ko-akkuzat ma kellu x’jaqsam xejn mal-każ, u li kienet diġà tat data speċifika lis-sid biex tirritorna l-ammont misruq. Hija ġiet ikkundannata għal sena ħabs flimkien ma’ xahrejn ħabs oħra minħabba s-sospensjoni miksura.
Intalbet ukoll li tħallas lura l-ammont. Fuqha ġie impost ordni ta’ protezzjoni ta’ sentejn favur il-proprjetarja tal-kiosk. Frendo, min-naħa tiegħu, ġie mixli b’serq u ksur ta’ ordni ta’ probation. Il-prosekuzzjoni, rappreżentata mill-Avukat Luigi Gulia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Warren Galea, sostniet li billi kien diġà nstab ħati ta’ serq u kien taħt probation, dan ir-reat juri disprezz lejn l-ordni tal-qorti u li kien ovvju li kien f’komunikazzjoni mal-mara waqt is-serq.
Barra minn hekk, Frendo ma għandu ebda indirizz fiss; filwaqt li hu projbit jgħix fil-post reġistrat f’Pembroke minħabba sentenza preċedenti, bħalissa qed jgħix għand Spiteri f’San Pawl il-Baħar. L-Avukat tad-difiża, Ingrid Zammit Young, qalet li Frendo kien mar il-kiosk biex jixtri ġelat u li kien xortih ħażina li sab ruħu mal-partner tiegħu.
Hija saħqet li kien saħansitra akkumpanjaha biex jiskuża ruħu mas-sid, li kieku ma kien ħati żgur ma kienx jagħmel dan. Hija sostniet li jkun inġust li jiċħduhlu l-ħelsien mill-arrest. Minkejja dan, il-qorti ċaħditlu l-ħelsien mill-arrest u ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-proprjetarja tal-kiosk fir-rigward tiegħu.
//= $special ?>