Żagħżugħ ta’ 20 sena mill-Belt Valletta nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’serje ta’ reati relatati ma’ vjolenza domestika kontra l-eks sieħba tiegħu. L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u qed jiġi akkużat bi 13-il imputazzjoni, fosthom li żamm lill-allegatata vittma kontra r-rieda tagħha, theddid, ksur ta’ ordni tal-Qorti u t-tixrid ta’ ritratti indeċenti fuq il-midja soċjali.
Skont l-Ispettur Audrey Micallef, il-każ beda meta l-allegata vittma għamlet rapport lill-Pulizija nhar is-Sibt li għadda fejn kellhom xi jgħidu meta marret torqod għandu. Hi semmiet ukoll li fit-3 ta’ Lulju, waqt li kienu f’bar f’San Ġiljan, l-akkużat waddbilha tazza tal-plastik b’xorb li laqtitha f’għajnejha.
Rapport ieħor sar wara argument fis-11 ta’ Ġunju, fejn allegatament l-akkużat sabtilha l-mobilr, kissru, tefagħha fuq is-sodda u qabdilha ħalqha u mneħirha, fejn ġie ppreżentat ukoll ċertifikat mediku minn naħa tagħha.
L-aktar inċident reċenti seħħ is-Sibt li għadda meta l-allegata vittma marret torqod għand l-akkużat u l-għada filgħodu, wara argument, allegatament sakkarha fil-kamra tiegħu għal madwar nofs siegħa. Hi ċemplet lil oħtha li infurmat lill-Pulizija.
Meta dawn marru fil-post fejn joqgħod, fetħilhom missieru u ħu l-imputat, iżda dan ma kienx id-dar, minkejja li kien qalilhom li kien hemm. Il-prosekuzzjoni qalet li l-arrest sar fis-1 a.m., iżda l-imputat irrifjuta li jikkopera u anke kissirlu l-mobile tiegħu quddiem il-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni qalet li hemm riskju kbir ta’ rikatt u ripetizzjoni ta’ reat, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-allegata vittma għamlet risk assessment li laħaq is-27 punt — meqjus għoli. Intqal ukoll li l-imputat qed jiffaċċja żewġ każi oħrajn ta’ vjolenza domestika u li diġà kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti, minkejja l-età żgħira tiegħu. Il-Qorti ntalbet toħroġ ordni ta’ protezzjoni għall-eks sieħba tiegħu kif ukoll għall-oħtha, li mistennija tixhed fil-proċeduri.
Il-Qorti wissiet lill-imputat biex ma jersaqx lejn l-eks sieħba tiegħu jew oħtha, hekk kif inkella jista’ jeħel multa ta’ €7,000 jew sa sentejn ħabs, jew it-tnejn. Id-difiża, immexxija mill-Avukati Nicholas Mifsud u Matthew Xuereb, talbet għall-ħelsien mill-arrest, billi sostnew li l-imputat qed jagħmel progress permezz ta’ probation u l-appoġġ ta’ uffiċjal.
Qalu wkoll li għandu appuntament mal-psikologa u li dan huwa każ emozzjonali u mhux kriminali fil-qalba tiegħu. L-Avukat Xuereb ikkritika wkoll is-sistema tar-risk assessment li fi kliemu tagħti widen biss għal dak li tgħid l-allegata vittma.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil, iddeċidiet li ma kienx hemm serħan il-moħħ biżżejjed dwar l-affidabbiltà tal-imputat u għalhekk ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u dan ukoll fid-dawl tal-fatt li huwa diġà kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti f’każijiet preċedenti.
//= $special ?>