Knisja Lokali

Żjara uffiċjali ta’ Fr Fabio Attard SDB F’Malta

Fr Fabio Attard, Rettur Maġġur tas-Salesjani ta’ Don Bosco, se jagħmel l-ewwel żjara uffiċjali f’Malta bejn it-2 u l-5 ta’ Ottubru 2025. Din iż-żjara se tkompli tħeġġeġ il-Knisja, b’mod speċjali ż-żgħażagħ, fi spirtu ta’ fidi, ċelebrazzjoni u tiġdid.
Fr Fabio Attard ġie elett Rettur Maġġur f’Marzu li għadda bħala l-11-il suċċessur ta’ Don Bosco u l-mexxej dinji tas-Salesjani, li llum jinsabu f’136 pajjiż madwar id-dinja. Iż-żjara tiegħu f’Malta hi kemm ritorn lejn art twelidu kif ukoll sinjal qawwi ta’ għaqda bejn il-missjoni Salesjana f’pajjiżna u dik fil-bqija tad-dinja.
Matul l-erbat ijiem fostna, Fr Attard se jiċċelebra l-Ewkaristija fil-Knisja lokali, se jiltaqa’ għal mument ta’ djalogu mal-awtoritajiet ekkleżjastiċi u ċivili, se jżur il-komunitajiet Salesjani f’Malta u Għawdex, se jqatta’ ħin maż-żgħażagħ involuti fi proġetti pastorali u edukattivi tas-Salesjani, kif ukoll se jiftaħ is-sena akkademika tal-MCAST.
Dwar din l-okkażjoni, il-Provinċjal tas-Salesjani f’Malta Fr Eric Cachia, qal: “B’ferħ kbir nilqgħu lil Fr Fabio lura fostna. Il-preżenza tiegħu hi mument ta’ ferħ għall-familja Salesjana u hi ringrazzjament lill-Mulej talli se tfakkarna fl-għeruq profondi tal-kariżma ta’ Don Bosco f’pajjiżna, u fl-istess ħin tistedinna nħarsu ’l quddiem b’enerġija ġdida fis-servizz tagħna lejn iż-żgħażagħ u l-familji.”

Is-Salesjani ilhom preżenti f’Malta għal aktar minn 120 sena, u tul is-snin ħadmu fil-qasam tal-edukazzjoni, l-animazzjoni pastorali u l-formazzjoni taż-żgħażagħ, ispirati mill-viżjoni ta’ fidi, raġuni u mħabba li ħaddan Don Bosco.