Futbol Sport

Atmosfera pożittiva fil-klann Malti lejlet l-ewwel konfront kontra l-Litwanja

Arja pożittiva fil-klann tat-tim nazzjonali Malti
Arja pożittiva fil-klann tat-tim nazzjonali Malti

Lejlet il-partita importanti li Malta se tkun qed tilgħab f’ Ąžuolynas Stadium, f’ Kaunas kontra l-Litwanja, l-atmosfera fil-klann taħt il-gwida teknika tat-Taljan, Emilio De Leo hi waħda tajba u mimlija entużjażmu biex għada, Malta terġa’ tikseb riżultat tajjeb, b’rebħ ta’ punt u possibilment tlieta kontra dawn l-avversarji.

F’Ġunju li għadda, f’pajjiżna, Malta kienet temmet draw ta’ mingħajr gowls kontra dawn l-avversarji, f’konfront li faċilment stajna anke ksibna tliet punti. Iżda minn Ġunju li għadda ‘l hawn, bix-xogħol li kompla jsir mill-istaff tekniku iżda mhux biss, anke mill-amministrazzjoni tal-MFA, l-affarijiet inbidlu xi ftit. Għadu pre matur biex naslu għal ġudizzju għaliex l-ewwel iridu jintlagħbu l-partiti u naraw x’riżultati se niksbu.

L-inklużżjoni għall-ewwel darba tal-attakkant tal-attakkant ta’ 28 sena, Irvin Cardona li qed jilgħab f’Ligue 2 ma’ AS Saint-Étienne u tal-midfielder versatili li ta’ 27 sena, li jilgħab fl-A-League Awstraljan, Jake Brimmer għandhom jagħtu dimensjoni kompletament ġdida lit-tim ta’ De Leo.

Dan biex ma nsemmux li wara li se jkun skonta żewġ partiti ta’ sospensjoni, minn għada se jkun qed jirritorna fl-iskwadra Maltija, l-istilla ta’ FC Sion fl-Iżvizzera, Ilyas Chouaref. Dan tal-aħħar diġa’ lagħab darbtejn ma’ Malta, u fiż-żewġ partiti ħalla impatt pożittiv u wera li l-ħiliet tiegħu f’skwadra nazzjonali bħal m’hi dik ta’ Malta, huma ta’ valur miżjud bil-wisq għoli.

Iżda quddiem l-isforzi ta’ kulħadd biex l-iskwadra tissaħħaħ għal din il-logħba li potenzjalment minnha nistgħu nirbħu aktar punti fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2026, Emilio De Leo se jkollu nieqes tliet pedini importanti li kienu qed ikunu fl-iskwadra inizjali tal-kowċ Taljan fil-partiti preċidenti.

Dawn huma l-captain tat-tim, Matthew Guillaumier li se jkun qed jiskonta sospensjoni ta’ logħba, il-plejer ta’ esperjenza li jilgħab f’Ligue 2 ta’ Franza, Teddy Teuma u d-difensur ċentrali li jilgħab f’League One tal-Ingilterra ma’ Wigan Athletic, James Carragher.  Fil-każ ta’ Teuma u Carragher dawn jinsabu barra minħabba injury.

Nieqes ukoll mill-iskwadra ta’ 28 plejer mgħajta minn De Leo hemm ukoll l-attakkant żagħżugħ Basil Tuma li jilgħab fl-Ingilterra ma’ Reading. Tuma għadu qed jirkupra minn injury iżda se jkun qed jifforma parti mit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena mmexxi minn David Mazzotta.

Fl-għażla finali li għamel De Leo għall-partiti kontra l-Litwanja u San Marino, il-kowċ nazzjonali Taljan kompla juri fiduċja f’aktar plejers żgħażagħ u li huma uuċħ ġodda għat-tim nazzjonali tal-kbar. L-inklużżjoni tal-midfielder difensiv ta’ 18-il sena, Kean Scicluna, li dan l-istaġun hu misluf lil Żabbar St Patrick mingħand Ħamrun Spartans tkompli tikkonferma dan.

Apparti isem Scicluna, De Leo kompla jikkonferma l-fiduċja tiegħu f’żgħażagħ oħra bħal James Sissons, Jake Azzopardi u Keyon Ewurum. F’din l-aħħar sejħa ta’ De Leo, irritorna mill-ġdid fl-iskwadra nazzjonali Maltija, Yannick Yankam li kien ilu assenti mit-tim Malti, minn Marzu tal-2024.

Sforz il-fatt li l-midfielder Malti, illum plejer ta’ Valletta, kien sfortunat bl-injuries u kien qed jilgħab fil-USL League One, li jiġi t-tielet livell ta’ futbol fl-Istati Uniti, ma’ Lexington SC, Yankam tilef postu mit-tim nazzjonali.

Li hu żgur hu li biż-żieda ta’ plejers Maltin li matul it-tieqa tat-trasferimenti tas-sajf irnexxilhom jiffirmaw kuntratt ma’ klabb barrani, din l-iskwadra li qed imexxi bħalissa De Leo, hija l-aktar waħda li qatt kellha Maltin li qed jilgħabu futbol professjonali barra minn xtutna.

L-uċuħ il-ġodda li ssieħbu fit-tim wara li kisbu bi dritt il-passaport Malti, Irvin Cardona u Jake Brimmer, għalkemm ingħaqdu mal-iskwadra għall-ewwel darba fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, integraw tajjeb mal-ewwel mal-bqija tal-plejers l-oħra fit-tim nazzjonali. Dan il-fatt waħdu jawgura tajjeb għall-partiti li se tkun qed tilgħab Malta f’dawn il-jiem.