Kważi 24 siegħa qabel il-ħames logħba ta’ Malta fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2026, f’ Kaunas il-kowċ nazzjonali Malti, Emilio De Leo qed iħabbat wiċċu ma’ diversi sfidi u deċizjonijiet li jrid jieħu.
Fl-isfond ta’ atmosfera pożittiva u ta’ għaqda fost il-plejers li huma mmsejħa għal-logħba ta’ għada kontra l-Litwanja u eventwalment għall-konfront ta’ ħbiberija li Malta se tkun qed tilgħab f’Ta’Qali, nhar it-Tlieta filgħaxija kontra San Marino, preżentament hemm numru ta’ plejers Maltin li qed jittamaw li jirkupraw fil-ħin għall-partita f’Ąžuolynas Stadium.
Net News hu infurmat li fl-aħħar sigħat l-lista ta’ plejers li żdiedu mad-dubjużi minħabba xi forma ta’ injury, kompliet tiżdied. Dan ifisser li Malta qed tħabbat wiċċha ma’ ċirkostanzi sfortunati, bl-istaff mediku tat-tim nazzjonali Malti, qed jagħmel il-massimu tiegħu biex f’dawn is-sigħat jirkupra uħud minn dawn il-plejers.
Hu mifhum li l-winger ta’ Ħamrun Spartans, Ryan Camenzuli, il-midfielder versatili ta’ Auckland FC, Jake Brimmer u d-difensur ċentrali Gabriel Mentz huma tlieta mil-plejers li sa lejlet il-konfront kontra l-Litwani, għadhom dubjużi, bil-kowċ Taljan qed isegwi mill-viċin l-aħħar aġġornamenti mediċi marbuta mal-kundizzjoni fiżika ta’ dawn il-plejers. Dan għaliex Camnezuli, Brimmer u Mentz possibilment kienu se jkunu fil-ħsieb oriġinali ta’ De Leo biex f’Kaunas jibdew mal-ewwel ħdax.
L-inċertezza jekk dawn il-plejers jirkuprawx fil-ħin għall-logħba ta’ għada, ikomplu jżidu mal-pressjoni u l-isfortuna li l-istaff tekniku qed ikollu jħabbat wiċċu fil-preparazzjoni ta’ din il-logħba tant importanti. Dan wara li De Leo ma kellux għażla oħra għajr li flis-selezzjoni tal-iskwadra finali, iħalli barra minħabba injuries differenti, żewġ plejers oħra li normalment jiffurmaw parti mill-ewwel ħdax ta’ Malta. Dawn huma Teddy Teuma u James Carragher. Apparti dan ittieħdet ukoll id-decizjoni li Basil Tuma jibqa’ f’Malta, biex jitharreg mal-iskwadra ta’ Taht il-21 sena minhabba li ghadu qed jirkupra minn injury li żammitu wieqaf għal diversi xhur.
Illum, kmieni wara nofs in-nhar, De Leo indirizza konferenza stampa fil-presenza tal-ġurnalisti Maltin u dawk Litwani. L-eks kollaboratur tal-mibki Sinisa Mihajlovic, esprima “id-determinazzjoni u l-ottimiżu tiegħu, minkejja t-telfa kbira li ġarrabma fl-aħħar ħarġa tat-tim, kontra l-Olanda f’Ġunju li għadda.”
De Leo ammetta li t-telfa kontra l-Olanda weġġgħet mhux ftit l-ambjent Malti, iżda saħaq li konfronti ta’ dan it-tip huma parti mit-tkabbir tal-iskwadra.
“Dawn huma l-logħob li titgħallem minnhom,” qal De Leo. “Trid tgħixhom, tħosshom, u titgħallem minnhom.”
Dwar l-inklużżjoni ta’ tliet plejers ġodda fit-tim taħt il-gwida tiegħu, ċioé Irvin Cardona, Jake Brimmer u Kean Scicluna, u n-nuqqas ta’ żewġ plejers importanti fl-għażla ta’ din id-darba, dawk ta’ Teuma u Carragher, De Leo qall li -approċċ tattiku tal-Maltin se jibqa’ l-istess.
“L-introduzzjoni tal-plejers il-ġodda f’din l-iskwadra, anke jekk bdew jaħdmu mal-bqija ta’ sħabhom fit-tim nazzjonali Malti ġurnata biss ilu, uriet ir-rieda professjonali tagħhom u l-kwalitajiet pożittivi li jipposjedu. Fuq kollox dawn il-plejers urew id-disponibilitá tagħhom għal Malta u integraw mal-ewwel mal-bqija tat-tim,” żied jgħid De Leo.
Waqt il-konferenza stampa li saret illum f’Kaunas, De Leo tkellem dwar l-importanza li fl-iskwadra Maltija jinstab bilanċ bejn plejers b’esperjenza internazzjonali u dawk li għadhom żgħar fl-etá u b’talent emergent.
“Din it-taħlita titqies bħala vitali fil-bini tal-kontinwita’ — tim li jista ’jikkompeti llum filwaqt li jipprepara b’mod kostanti għall-futur,” kompla jgħid De Leo.
Filwaqt li l-kowċ nazzjonali Malti faħħar l-impenn ta’ plejers li għadhom żgħar fl-etá u li huma parti minn din is-selezzjoni għall-partiti kontra l-Litwanja u San Marino rispettivament, bħal fil-każ ta’ Keyon Ewurum, Jake Azzopardi, James Sissons u issa Kean Scicluna, De Leo sejħilhom bħala “il-ġenerazzjoni li jmiss tal-futbol Malti.”
De Leo qal ukoll li n-nuqqas ta’ Teuma u tal-captain Matthew Guillaumier f’nofs il-grawnd, b’dan tal-aħħar se jkun qed jiskonta sospensjoni ta’ partita konra l-Litwanja, kif ukoll dik ta’ James Carragher fid-difiża, se tkun qed jinħass mhux ftit mill-Maltin.
Madankollu De Leo qal li l-fatt l dawn il-plejers mhux se jkunu disponibbli “tiftah opportunitá għal għażliet ġodda fit-tim.”
Dwar l-avversarji ta’ Malta għall-partita ta’ għada, il-Litwanja, De Leo rrikonoxxa l-organizzazzjoni b’saħħitha u l-preżenza fiżika tagħhom.
“Il-Litwanja urew li huma organizzati ħafna u jilagħbu stil modern ta’ futbol. Huma żammew rashom ’il fuq anke kontra timijiet aktar b’saħħithom. Irridu nkunu intelliġenti biex inpattu u nikkumpensaw għall-fiżika tagħhom u nkunu kapaċi nuru l-kwalitajiet pożittivi tagħna,” temm jgħid il-kowċ ta’ Malta, De Leo.
//= $special ?>