Il-maġġoranza tal-poplu Malti jinsab ottimist dwar l-andament tal-pajjiż inġenerali – però wieħed minn kull ħames persuni biss jemmnu li l-kwalità tal-ħajja tagħhom personali se tkun aħjar fis-snin li ġejjin.
Dan ħareġ ċar fir-Rapport tal-Eurobarometer – rapport annwali li jevalwa l-andament tal-popli Ewropej – liema rapport wera biċ-ċar li għalkemm il-Malti jidher li hu poplu ottimist għall-futur, fl-istess ħin, minn dan ir-rapport, jidher ċar kif bosta mhux jaraw li l-futur għalihom personali jista’ jinbidel għall-aħjar.
Tant li 21% biss ta’ dawk li pparteċipaw f’dan ir-rapport jemmnu li l-kwalità tal-ħajja f’Malta u Għawdex ser jitjieb – xejra differenti anke mir-rapport ta’ sena ilu, fejn 12 fil-mija inqas qed jaraw li l-kwalità tal-ħajja personali tagħhom tista’ titjieb. Bidla drastika fin-numri, sena biss wara l-istess rapport.
Intant, instab kif 88% tal-poplu Malti jemmen li l-Unjoni Ewropea tista’ fil-fatt iddaħħal iktar flus minn taxxi imposti fuq min ma jimxix mal-istandards ambjentali.
Nstab ukoll li l-poplu Malti u Għawdxi huwa wieħed mill-aktar popli favur l-Unjoni Ewropa fi ħdan l-istess Unjoni – bi 62% tal-poplu jemmen li preżentament l-Unjoni Ewropea hija ta’ ġid kemm fuq livell nazzjonali u anke dak dinji.
Apparti min hekk il-maġġoranza assoluta tal-Maltin – 92% tal-poplu – jemmnu li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ benefiċċju għal pajjiżna. Dan anke jekk hemm min mhux kuntent bl-andament tal-Unjoni, iżda xorta waħda l-maġġoranza assoluta temmen li din id-deċiżjoni kienet waħda għaqlija u bżonjuża.
Skont il-Eurobarometer, 56% tal-poplu għandu fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Barra minn hekk, 92% tal-Maltin jaqblu li l-UE għandha tipprovdi l-fondi lill-Istati Membri bil-kundizzjoni li dawn jirrispettaw is-Saltna tad-Dritt u l-prinċipji demokratiċi.
//= $special ?>