Lokali

Għal Jason Micallef, dan huwa “ramel fin li sar apposta”

L-uffiċċjal tal-Labour li jieħu ħsieb il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, Jason Micallef, mar jiżvoga fuq Facebook biex jgħid lin-nies li fuq il-ħaxix ta’ Ta’ Qali tefgħu dak li hu sejjaħ “ramel fin”.

Filwaqt li qal li hija fake news, Jason Micallef stess ikkonferma li f’Ta’ Qali intefa’ ramel fuq il-ħaxix tal-picnic area – azzjoni li ġabet magħha kundanna enormi minn kulħadd.

Fuq Facebook, hu kiteb hekk: “fil-picnic area f’Ta’ Qali sar intervent f’waqtu fejn materjal ta’ ramel fin u gravel apposta tferrex matul partijiet tal-art tal-picnic area biex jaqta’ t-trab enormi prodott mill-ħamrija tal-picnic area matul l-istaġun tas-sajf. Dan ir-ramel fin u gravel hu materjal apposta li jintuża fuq artijiet tal-parks u li minnu jisponta, u jitla’ b’mod naturali l-ħaxix wara li tagħmel ix-xita fil-ħarifa u fix-xitwa.”