Internazzjonali

Iċ-Ċina: Il-Parata ta’ Jum ir-Rebħa f’Beijing twassal messaġġ ċar dwar il-qawwa militari tal-Alleanza ‘anti-Punent’

Iċ-Ċina, fl-aħħar sigħat, organizzat parata militari simbolika, kommemorattiva u fl-istess ħin sinifikattiva peress li wasslet messaġġ ċar lill-Punent dwar ir-realtajiet ġodda ta’ dinja li qed tinbidel. Parata fejn il-mistiedna prinċipali kienu l-President Russu, Vladimir Putin u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong-un, li ssieħbu mal-President Ċiniż Xi Jinping għal avveniment li kompla jħasseb lill-Istati Uniti u l-Ewropa.

Din kienet anki l-ewwel darba fl-istorja li t-tliet Mexxejja prinċipali tal-Alleanza anti-Punent iltaqgħu għal turija ta’ solidarjetà waqt avveniment pubbliku f’pajjiż partikulari. Il-laqgħar rappreżentat it-tkomplija ta’ fażi importanti fl-istorja tal-alleanzi globali u li qed iżżid l-arja tal-inċertezza qalb il-pajjiżi tal-Punent.

F’din il-parata, Xi Jinping ħejja dimostrazzjoni tal-qawwa militari ta’ pajjiżu, bl-attenzjoni tad-distinti u n-nies preżenti tikkonċentra fuq kwantità kbira ta’ missili ballistiċi nukleari, armamenti bil-laser u drones sofistikati li kapaċi jwettqu qerda sostanzjali taħt il-baħar.

Filwaqt li l-parata kienet qed tfakkar it-80 anniversarju tar-rebħa taċ-Ċina fuq il-Ġappun fit-Tieni Gwerra Dinjija, Xi Jinping u l-Mexxejja tar-Russja u l-Korea ta’ Fuq għamlu minn kollox biex juru s-saħħa tal-Alleanza ġdida ‘anti-Punent’ li qed thedded biex taqleb ta’ taħt fuq is-sistema ġeopolitika li eżistiet minn wara l-1945.

F’Beijing, kien hemm ukoll għexieren ta’ mexxejja oħra li tnejn biss minnhom kienu ġejjn mill-Ewropa – f’dan il-każ il-President tas-Serbja, Aleksandar Vucic u l-Prim Ministru tas-Slovakkja, Robert Fico.

Sadanittant, ma naqsux it-trattativi politiċi fost l-ispettaklu militari koreografat f’Beijing – b’Kim Jong-un jinforma lil Vladimir Putin li ‘pajjiżu jinsab fi dmir li jgħin lir-Russja fil-gwerra li qed imexxi l-Kremlin fl-Ukrajna.’ Dan meta Pyongyang diġà bagħat l-eluf kbar ta’ truppi u armamenti b’appoġġ lill-militar ta’ Putin li qed jiġġieldu fl-artijiet Ukreni.

U wara żjara ta’ aktar minn sagħtejn bejn Putin u Kim Jong-un li saret wara l-kwinti tal-parata, il-Mexxej Russu stieden lid-dittatur komunista għal żjara uffiċjali fir-Russja. Dan waqt li hu faħħar lis-suldati tal-Korea ta’ Fuq li qed jiġġieldu spalla ma’ spalla mat-truppi Russi fl-Ukrajna.

Sadanittant, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump kiteb messaġġ fuq Truth Social biex ‘iċanfar’ lill-President Xi Jinping dwar l-aħħar żviluppi… u f’dan il-messaġġ sarkastiku, Trump talab biex Xi Jinping jestendi l-awguri tiegħu lil Putin u lil Kim Jong-un, talli, fi kliemu, ‘kienu qed jissieħbu f’kumplott kontra l-Istati Uniti’.

Fl-istess ħin, il-maġġoranza assoluta tal-mexxejja tal-Punent iddeċidew biex ma jattendux għal din il-parata ta’ ‘Jum ir-Rebħa’.

Iżda l-preżenza tal-Mexxej Slovakk Fico f’Beijing kellha wkoll relevanza partikulari għas-sitwazzjoni preżenti peress li hu ilu jinsisti biex l-Ewropa u l-Punent jinnormalizzaw ir-relazzjonijiet mar-Russja. Dan minkejja li s-Slovakkja hi membru stabbilit tal-Unjoni Ewropea u l-Alleanza tan-NATO.