Is-Sibt 6 ta’ Settembru fil-Padiljun tal-Isport f’Kordin se ssir l-ewwel edizzjoni tat-Tornew tal-Mediterran tal-volleyball għall-kategorija tat-tfajliet taħt id-dsatax -il sena. Dan it-tornew ta’ jum qiegħed ikun organizzat mill-kumitat tal-club ta’ Paola għall-ewwel darba bl-għan li l-players tal-club ikollhom aktar esperjenza nternazzjonali. L-idea tat-tornew nibtet wara sensiela ta’ laqgħat li kien hemm bejn Dr Kenneth Vella, President ta’ Paola Volleyball Club u Giuseppe Balsano, President tal-kumitat tar-Reġjun ta’ Sqallija fi ħdan l-Assoċjazzjoni ACSI.
Għal din l-ewwel edizzjoni tat-Tornew barra Paola Volleyball Club se jieħdu sehem ukoll it-teams Sqallin ta’ Siaz Polisportiva Armerina u Santa Barbara Sommatino, li huma rispettivament ir-rebbieħa tat-Tazza Sicilia u tal-kampjonat reġjonali taħt it-tmintax -il sena. Magħhom jingħaqdu wkoll iċ-champions Maltin ta’ din il-kategorija Swieqi Phoenix. Dan biex ikun hemm aktar players Maltin li jgawdu tali esperjenza.
Mitlub jikkummenta dwar dan it-Tornew il-President ta’ Paola Volleyball Club qal li filwaqt li jirringrazzja lil Giuseppe Balsano u l-kollegi tiegħu ta’ din il-kollaborazzjoni, dan it-tornew jikkonferma l-viżjoni tal-club Pawlist li joffri lill-players tiegħu esperjenza nternazzjonali b’mod regolari. Dan it-tornew jikkumplimenta wkoll training camp li ħadu sehem fih l-istess players tan-nursery ta’ Paola f’Lulju li għadda f’Messina organizzat mill-club tas-Serie A2 Akademia Sant’ Anna li miegħu l-club għandu wkoll ftehim ta’ kollaborazzjoni.
“Nixtieq inżid ukoll li tornew bħal dan jgħin ukoll anki minn lat ta’ turiżmu sportiv. Dan anki għax il-kontinġent Sqalli se jkun magħmul minn aktar minn 50 persuna li se jkollhom iċ-ċans li mhux biss ikunu preżenti għat-tornew iżda anki jżuru postijiet ta’ attrazzjoni madwar Malta,” ikkonkluda Dr Vella.
Il-logħob tat-tornew se jkun imqassam hekk –
10am – Swieqi EY vs Siaz Piazza Armerina
12pm – Paola Cool And Kiwi vs Demmalight Sommatino
4pm – Finali 3 vs 4 Post
6pm – Finali 1 vs 2 Post
Finalment Paola Volleyball Club xtaq jirringrazzja lill-isponsors tal-club li għamlu dan it-tornew possibli wkoll, fosthom lil Piscopo Transport Services, Maypole, Izibet, Dragonara Casino u Brasserie, Cool And Kiwi, Executive Security Services, De Paola Pharmacy, Marindex Trophies u Hands On Systems.
//= $special ?>