Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li allegatament kiser ordni restrittiva u hedded lill-eks sieħba


Raġel inżamm arrestat wara li ammetta li mhux ħati li kiser ordni restrittiva fi tliet okkażjonijiet separati, għamel użu mhux xieraq mill-komunikazzjonijiet elettroniċi u hedded lill-eks sieħba tiegħu. Ir-raġel, ċittadin Libjan ta’ 48 sena, residenti Tas-Sliema tressaq il-Qorti l-Erbgħa wara li ġie ppreżentat rapport mill-allegata vittma nhar it-Tnejn.

Il-Qorti semgħet kif ir-raġel, li kien ġie ordnat aktar kmieni din is-sena biex ma jersaqx lejn il-vittma, kien għajjarha “żibel” meta raha f’Paceville waqt li kien qed isuq it-taxi tiegħu. F’okkażjoni oħra, huwa segwiha barra mill-Qorti u heddidha wara seduta, qabel ma finalment ikkuntattjaha darba oħra fir-rigward ta’ wliedhom meta suppost kellu jitlob lill-avukat tiegħu biex jagħmel dan f’ismu.

L-allegata vittma għandha tifel ta’ 19-il sena u tifla ta’ 13-il sena minn mal-akkużat. Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata, u saret talba għal ħelsien mill-arrest bl-avukat tad-difiża Matthew Xuereb li ddikjara li l-klijent tiegħu kien lest li jobdi l-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, billi semmiet biża’ ta’ tbagħbis fl-evidenza u li r-raġel seta’ jikkommetti reat ieħor.

Il-ħelsien mill-arrest ġie miċħud.

L-Ispettur Christian Cauchi mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukat Matthew Xuereb assista lill-akkużat. L-avukat Stephanie Caruana dehret bħala parte civile fil-każ.