Koppja ammettiet quddiem il-Maġistrat Victor Axiak li fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu ipparteċipaw f’attivitajiet sesswali fuq ir-rampa tal-Għassa tal-Belt – Valletta. James Robert Brannan, Ingliż, li l-Erbgħa stess kien qed jiċċelebra għeluq sninu u Chelsea Justine Bauer, minn New York fl-Istati Uniti ammettew li wettqu dan ir-reat fis-2.30am.
Ir-raġel ta’ 31 sena u l-mara ta’ l-istess età li jinsabu Malta bħala turisti kienu ilhom sitt minuti jagħmlu atti mmorali u ndiċenti meta nqabdu mill-Pulizija li kienu għadhom kif waslu mir-ronda fil-belt kapitali. Huma ammettew li wettqu dawn ir-reati kontra d-diċenza pubblika u li dan seħħ f’post pubbliku. Ammettew ukoll li wettqu dan l-artt meta kienu fis-sakra.
L-Avukat Mark Mifsud Cutajar li deher għall-koppja qal lill-Qorti li filwaqt li dak li għamlu huwa ħażin, dan għamluh mhux fid-dawl tax-xemx, imma fid-dlam u dan għandu jiġi kkunsidrat mill-Qorti meta tiġi biex tagħti l-piena.
Il-Qorti ċaħdet it-talba tad-difiża biex l-ismijiet ma jissemmewx fuq il-meżżi tax-xandir minħabba li Brannan huwa uffiċjal pubbliku u l-mara għandha mpieg partikolari, u li wkoll dan l-episodju huwa xi ħaġa li jġib għall-mistħija tal-membri tal-familja tal-koppja.
Huma ġew immultati 200 ewro kull wieħed u lliberati bil-kundizzjoni li ma jwettqux reat ieħor fi żmien sena. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Rizzo filwaqt li għall-akkużati deher l-Avukat Mark Mifsud Cutajar.
//= $special ?>