Internazzjonali

L-Afganistan: Ikomplu l-appelli urġenti fost it-theżżiż tal-art

Il-Gvern tat-Taliban li qed imexxi lill-Afgansitan kompla jappella għall-għajnuna mingħand il-komunità internazzjonali wara li t-terremot kbir tat-Tnejn ħalla ‘l fuq minn 1,400 mejtin u aktar minn 3,000 midruba fl-artijiet Afgani tal-Lvant.

Dan meta l-Gvern Talibani hu rikonoxxut biss mir-Russja, bin-Nazzjonijiet Uniti qed tħejji l-fondi ta’ emerġenza għall-Afganistan – bir-Renju Unit timpenja l-għajnuna ekwivalenti għal aktar minn 1.3 miljun Sterlina għar-residenti tal-komunitajiet li nqerdu fit-theżżiża l-kbira.

Fl-aħħar sigħat,  theżżiża tal-art oħra sekondarja li reġistrat 5.2 fuq l-Iskala Richter ukoll laqtet l-artijiet lejn il-Lvant tal-Afganistan.

Dan meta l-isforzi tas-salvataġġ fl-inħawi li ġarrbu l-akbar impatt mit-theżżiż saru aktar ikkumplikati fost il-valangi tal-art li l-għalqu l-aċċess mit-toroq u l-passaġġi prinċipali.

Fl-aħħar sigħat ukoll, numru kbir ta’ ħelikopters kienu qed ikomplu bit-tfittxija għall-għexieren ta’ persuni li ma dehrux aktar wara t-terremot kbir. Dan waqt li qed jonqsu t-tamiet li jinstabu l-ħajjin taħt it-tifrik ta’ villaġġi sħaħ li nqerdu kompletament b’riżultat tat-terremot.