Internazzjonali

L-Estonja trid tagħti sehemha f’qawwa futura għall-Ukrajna

L-Estonja, waħda mit-tliet pajjiżi Baltiċi msieħba fl-Unjoni Ewropea u n-NATO, mhix qed tinkwieta li l-qawwa ‘ta’ assikurazzjoni li l-Alleanza tal-Punent tista’ tibgħat lejn l-Ukrajna fil-futur għandha ddgħajjef lis-settur tal-Baltiċi quddiem l-aggressjoni potenzjali tar-Russja.

Din il-qawwa speċifika għandha tiggarantixxi s-sigurtà tal-Ukrajna ladarba tintemm il-gwerra bejn dan il-pajjiż u r-Russja – u l-Gvern tal-Estonja, fil-preżent, qed jiddiskuti l-issue mal-Alleanza militari.

L-Estonja hi fost it-30 pajjiż (fil-parti kbira Ewropej) li jikkostitwixxu l-hekk-imsejjaħ ‘Coalition of the Willing’ alleata mal-Ukreni. U l-pajjiż, ‘il quddiem, mistenni jibgħat ‘mal-ewwel’ kontinġent ta’ suldati lejn iz-zoni tal-Ukrajna (bħala parti mill-qawwa internazzjonali) ladarba l-kanuni jaqgħu siekta.

Anki l-Litwanja u l-Latvja (it-tnejn pajjiżi tal-Baltiċi) indikaw li huma lesti biex jissieħbu huma wkoll fil-‘qawwa ta’ assikurazzjoni’ – għalkemm il-kontribuzzjoni tal-Latvja tiddependi fuq il-livell ta’ impenn min-naħa tal-Istati Uniti.

Madankollu, il-Polonja qalet li mhix se tieħu sehem f’din il-qawwa ta’ assikurazzjoni waqt li insistiet li għandha bżonn ‘kull suldat’ biex jiddefendi l-fruntieri tagħha quddiem it-theddida reali mill-Armati ta’ Vladimir Putin.