Opinjoni

OPINJONI: Fit-traġedja ‘Jean Paul Sofia’ dejjem kien favur l-Inkjesta Pubblika

Bernard Grech dejjem wera umiltà. Minkejja l-pożizzjoni tiegħu, qatt ma nesa l-għeruq jew il-fatt li l-politika hi għodda biex tkun ta’ servizz

Jerome Caruana Cilia
Shadow Minister għall-Ekonomija
u l-Intrapriża

Ma’ Bernard Grech ħdimt fuq bosta aspetti. Ħa niffoka fuq żewġ esperjenzi partrikolari.
Infakkar kif kien is-Sibt, 3 ta’ Diċembru 2022, meta Jean Paul Sofia, li kellu għoxrin sena tilef ħajtu meta nqabad taħt it-tifrik tal-binja li ġġarrfet f’Kordin. Il-katavru tiegħu nħareġ mill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili kmieni l-għada, il-Ħadd filgħodu, wara ħidma ta’ salvataġġ li damet aktar minn ħmistax-il siegħa. Jean Paul safa’ maqtul, ħabta u sabta. Instab mejjet taħt it-terrapien. Traġedja li ħasdet nazzjon.
Isabelle u l-qraba ta’ Jean Paul Sofia b’mod immedjat bdew isejħu favur li tinħatar Inkjesta Pubblika dwar dan il-każ. Jien li kont hemm mill-bidunett, nista’ ngħid li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech mill-ewwel kien favur li tinħatar Inkjesta Pubblika u ssir ġustizzja.
Meta beda jgħaddi ż-żmien kien ċar li l-Prim Ministru u l-ftit tal-qalba huma b’saħħa kontra li tinħatar Inkjesta Pubblika. Min-naħa l-oħra kienu bosta persuni u għaqdiet li kienu favur li tinħatar Inkjesta Pubblika.
Saħansitra persuni li mhux dejjem kienu qed jaqblu mal-Partit Nazzjonalista, imma għax din kienet kwistjoni li tmur lil hinn mill-partiġjaniżmu politiku, ħafna ingħaqdu favur is-sejħa biex tinħatar Inkjesta Pubblika. Prattikament kulħadd ried Inkjesta Pubblika ħlief il-Prim Ministru u l-ftit tal-klikka ta’ madwaru.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dejjem għamilli kuraġġ biex nibqa’ naħdem u nistinka favur li tinħatar l-Inkjesta Pubblika. Kien b’mod regolari ħafna jistaqsini dwar kif tinsab Isabelle u l-qraba ta’ Jean Paul.
Infakkar dwar ix-xeni li rajna fil-Parlament f’Lulju 2023 li jħalluk bla kliem. Qed nirreferi għal meta ttieħed il-vot għall-mozzjoni li ressaqna bħala Oppożizzjoni favur li tinħatar Inkjesta Pubblika dwar il-każ tal-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia.

Bord ta’ Inkjesta
Infakkar kif fis-7 ta’ Marzu, jien flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, u kollegi deputati, ressaqna mozzjoni li fiha, fost oħrajn, sħaqna li l-Prim Ministru għandu jaħtar Bord ta’ Inkjesta dwar il-mewt traġika taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, skont l-Att dwar l-Inkjesti, Kap. 273 tal-Liġijiet ta’ Malta, u li jkun għalkollox indipendenti mill-Gvern u mill-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet kollha l-oħra. Il-Membri Parlamentari Laburisti kollha vvotaw kontra li tinħatar Inkjesta Pubblika.
Il-weġgħa u d-dulur tal-ġenituri u l-qraba ta’ Jean Paul kienu evidenti.
Ma qtajniex qalbna u flimkien bqajna naħdmu u nistinkaw biex tinħatar Inkjesta Pubblika. Is-sewwa fl-aħħar rebaħ.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech afdali r-responsabbiltà bħala Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża. Il-ħidma ma waqfitx, bosta laqgħat ma’ stakeholders. Iltqajna, tkellimna u smajna lil ħafna sidien ta’ Negozji, ħaddiema, korpi kostitwiti u membri tal-MCESD. Bernard Grech dejjem jemmen u jisħaq li l-ekonomija hija l-qofol ta’ ħajjitna ta’ kuljum.
Huwa dejjem saħaq li mingħajr ekonomija b’saħħitha, il-poplu ma jistax jgħix b’dinjità u ma jistax jibni futur aħjar. Flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, dejjem sħaqna li l-ekonomija mhix biss ċifri jew rapporti fuq karta, imma hija l-għajn li minnha joħorġu l-impjiegi, is-servizzi essenzjali u l-opportunitajiet għall-familji tagħna. Il-ġustizzja soċjali kienet tema li dejjem tkellimna ħafna dwarha jien u hu. Tema għal qalbna li se nibqgħu nisħqu dwarha.
Hu dejjem jafferma li meta l-ekonomija tkun stabbli u ġusta, kull ħaddiem jista’ jgħix aħjar, it-tfal jirċievu edukazzjoni tajba u l-anzjani jkollhom kura xierqa. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jinsisti wkoll li tkabbir ekonomiku għandu jkun ibbażat fuq ugwaljanza u ġustizzja, biex ħadd ma jibqa’ lura u kulħadd igawdi l-ġid li jinħoloq.
Għalih, l-ekonomija hija mezz biex in-nies ikunu aktar ħielsa, ikollhom iktar sigurtà finanzjarja u jgħixu ħajja ta’ rispett u solidarjetà. Huwa għalhekk li Bernard Grech dejjem insista li ekonomija b’saħħitha tfisser soċjetà b’saħħitha.
Grazzi Bernard, tal-fiduċja, tal-appoġġ u tal-kuraġġ li dejjem għamiltni. Il-ħidma tkompli flimkien.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd  31 ta’ Awwissu, 2025.