Opinjoni

OPINJONI: Fittex dejjem l-interessi nazzjonali u tal-Maltin

F'dawn il-ħames snin taħt it-tmexxija tiegħu, Bernard Grech ipprova jaġġorna l-politika tal-Partit Nazzjonalista għaż-żminijiet tal-lum.

Ryan Callus
Shadow Minister
għall-Enerġija, ir-Riċerka
u l-Innovazzjoni

Bernard Grech fehem li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għandu l-valuri tiegħu, l-interpretazzjoni ta’ dawk il-valuri trid issir fil-kuntest taż-żminijiet li qed ngħixu fihom illum.
Filwaqt li Partit għandu jagħti direzzjoni politika u jaspira lin-nies dwar futur aħjar, din id-direzzjoni politika trid tirrefletti x-xewqat tan-nies hemm barra u l-istil ta’ ħajja li qed jgħixu fiha llum.
Madankollu, l-aġġornament tal-politika ta’ partit tirrikjedi mhux biss it-tfassil ta’ viżjoni u l-komunikazzjoni tagħha mill-Kap tal-Partit, iżda teħtieġ ukoll l-aċċettazzjoni ta’ dak l-aġġornament mill-istrutturi tal-Partit: il-Grupp Parlamentari, l-Eżekuttiv u l-fergħat kollha. Huwa meta dan kollu jseħħ li dik il-viżjoni tista’ tiġi proġettata b’qawwa biex jasal il-messaġġ għand kulħadd.
Din l-isfida, li jien, li naf lil Bernard Grech mill-qrib, fehma u fehemha sew tant li ħadem fuqha fid-diversi pożizzjonijiet li kien jipproponi għall-kunsiderazzjoni tagħna. Din hija wkoll l-isfida li jrid jindirizza b’kuraġġ, il-Kap il-ġdid li ser jingħata l-fiduċja li jkompli fejn se jkun ħalla l-predeċessur tiegħu. L-eħfef ħaġa hija li żżomm mal-istatus quo, iżda lkoll nafu li l-istatus quo ma jtikx rebħ.
Madankollu, il-mument li nibqa’ ngħożż l-aktar huwa l-ġurnata tat-18 ta’ Frar 2021, meta flimkien ħabbarna l-pjan tal-enerġija: A New Energy Future for Malta 2021-2030-2050. F’dan il-pjan tal-enerġija, frott ta’ ħidma ta’ diversi xhur b’riżultat ta’ konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali, esperti fis-settur u l-pubbliku inġenerali, konna pproponejna strateġija b’miżuri fl-immedjat, medium term u long term.
Fost il-miżuri fl-immedjat konna pproponejna li kull unit tal-enerġija ġġenerat mill-pannelli tax-xemx fid-djar tagħna għandu l-istess valur daqs unit mibjugħ lill-konsumatur mill-Enemalta.
Il-Gvern kien qiegħed iħallas lill-konsumaturi li jkun għalqilhom il-kuntratt tal-pannelli tax-xemx 7ċ5, u jġegħlek tħallas lill-Enemalta 10ċ5. Din kienet inġustizzja li ridna nindirizzaw. Wara xhur ta’ titubar, il-Gvern kellu jbaxxi rasu għall-pressjoni u jimplimenta l-proposta kif konna ressaqna aħna.

Proposti mhux inwettqa
It-tieni proposta fl-immedjat kienet li kull minn jiċċarġja l-karozza elettrika, għandu jħallas l-irħas rata bil-lejl, dik ta’ 10ċ5 mhux 12ċ98. Kull min xtara karozza elettrika, għen biex naqqas l-emissjonijiet fit-toroq tagħna, li jfisser inqas mard respiratorju (li minnu għandna biżżejjed). Din il-proposta għadha sal-lum ma twettqitx u tkun proposta li jwettaq Gvern Nazzjonalista.
Miżura oħra kienet is-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma bil-mod kif kienu qegħdin jinħadmu l-kontijiet. Wara kampanja twila minna, il-Gvern kellu jbaxxi rasu u jbiddel il-mudell. Madankollu, ma tax refund lil kull min kien ħallas iżjed qabel. Din sal-lum ma twettqitx u Gvern ġdid Nazzjonalista jindirizza din l-inġustizzja u jħallas lura l-ħlasijiet żejda li kienu saru.
Kien hemm imbagħad diversi miżuri fil-medium term – fosthom investiment sostanzjali fl-infrastruttura fejn tiċċarġja l-karozzi elettriċi, li sal-lum, erba’ snin wara minn mindu konna ħabbarna din l-istrateġija, pajjiżna għadu nieqes minn numru suffiċjenti ta’ charging pillars għall-karozzi elettriċi.
It-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-enerġija, li sal-lum, erba’ snin wara, għadna b’waħda li mhix suffiċjenti minkejja l-investimenti li saru li madankollu ma kenux biżżejjed hekk kif għadna naraw qtugħ tad-dawl f’diversi lokalitajiet.
Fit-tielet parti mbagħad tal-miżuri long term, konna ħabbarna proġett maġġuri ta’ rdieden tar-riħ f’baħar fond biex nagħmlu qabża fil-kontribuzzjoni ta’ enerġija nadifa li niġġeneraw bħala nazzjon. Erba’ snin wara, il-Gvern għadu l-anqas għażel l-offerent, aħseb u ara kemm beda l-proġett. Dan flimkien ma’ diversi proposti oħrajn, fosthom pipeline tal-gas mal-Ewropa li jkun kapaċi wkoll jieħu l-hydrogen meta dan ikun kummerċjalizzat.
Din l-istrateġija hija frott l-ispazju li Bernard Grech tana, flimkien ma’ sħabi, biex stajna naħdmu u nimirħu biex nagħmlu l-almu tagħna u nwasslu l-aqwa politika lill-Maltin. Bernard Grech f’għajnejja ser jibqa’ mfakkar bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista li bena l-pontijiet fil-Partit Nazzjonalista. Seta’ jagħmel dan għaliex kellu karattru diliġenti, paċenzjuż u tolleranti.
Insellimlu meta ħa d-deċiżjoni diffiċli li jagħmel spazju għall-ħaddieħor meta ħass li ma setax iwassal lill-Partit għar-rebħa. Dan għamlu meta ħass is-sentiment internament fil-Partit u l-opinjonijiet espressi, kif ukoll fost il-poplu hemm barra. Wera bil-fatti li l-Partit huwa verament ikbar minnu u li kapaċi jisma’ u jieħu l-aħjar għażla mhux għalih, iżda għall-Partit – fuq kollox għal Malta.
Minn qalbi nirringrazzjah tal-opportunità li tani personalment bħala Shadow Minister tal-Enerġija. Nirringrazzjah ukoll bħala Malti, tal-ħidma li wettaq għal pajjiżna b’sagrifiċċju kbir flimkien ma’ familtu.

Dan  l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.