Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni
u s-Snajja’
L-idea ta’ “edukazzjoni li tifforma daqskemm tinforma” lill-ġenerazzjonijiet li għadhom fl-iskejjel tagħna, tibqa’ għalija sinonima mat-tmexxija ta’ Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Madankollu, meta wieħed janalizza d-direzzjoni politika li dejjem ħa, malajr jintebaħ li Bermard Grech, enfasizza dejjem l-importanza tal-edukazzjoni, sew jekk hi dik formali fl-istrutturi tal-iskejjel u sew jekk hi dik informali fil-konfini tal-familja għaliex hija akbar minn kif inqisuha fir-restrizzjoni tal-fehim tagħna.
Jekk għal Bernard il-familja kienet dejjem fiċ-ċentru tal-politika, tal-ħsieb, tal-argument u tal-viżjoni, daqstant ieħor kienet l-edukazzjoni, bl-idea li din mhix biss kunċett astratt imma kunċett (dejjem) attwali li fi żmienna qiegħed jiġi mhedded minn kullimkien, sija jekk hix il-formazzjoni (jew id-diżformazzjoni tal-familja kif nafuha) u sija jekk hux minħabba l-mewġa tat-teknoloġija li qiegħda tbiddel il-mod ta’ kif il-ġenerazzjoni tal-lum tħares lejn id-dinja madwarha u fuq kollox kif titgħallem fl-għeluq tal-klassijiet.
Bernard Grech, bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista sa mill-2020, minkejja l-bidu diffiċli li kellu jaffronta (u bir-raġun) irnexxielu bil-mod il-mod jifforma identità politika bbażata b’konsistenza fuq l-impenn lejn il-prinċipji u l-valuri tal-familja (li hija l-bażi ta’ kollox) li għandu jkollha dritt tgħix f’pajjiż li joffri ħajja ta’ kwalità. Din hija kwalità li dejjem inħasset fih, u f’martu AnneMarie, sakemm saret parti integrali, tista’ tgħid fil-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista, għal snin twal, tbiegħed mill-idea tal-familja – għal diversi raġunijiet li mhux etiku nsemmihom hawnhekk – u f’Bernard, il-Partit sab mhux biss Kap, imma wkoll lil AnneMarie (u familja) li ħalliet impatt ħafna aktar minn kemm qegħdin nifhmu sal-lum.
Mela, l-idea ta’ familja, fir-restrizzjoni tagħha u bl-idea arketipa tagħha (wkoll), testendi f’analoġija għall-qafas tas-soċjetà, u għalhekk il-politika ta’ Grech hija familjari u soċjali. Imma, dawn jissaħħu, mhux biss bl-inċentivi finanzjarji biss, imma bit-tisħiħ soċjoedukattiv. Hawn tidħol, kontinwament, għalhekk, l-edukazzjoni li Grech baqa’ qatt ma tbiegħed minnha matul il-perjodu li serva bħala Kap u wkoll bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Mela, jekk għal Bernard, kollox għandu jitlaq mill-familja u finalment jasal għand il-familja, l-argumenti kontinwi u persisteni tiegħu biex il-pajjiż jagħmel passi ’l quddiem, huma dejjem ispirati mill-familja li fiha tinżera’ ż-żerriegħa tat-tagħlim u tixxettel fil-kurituri tal-istituzzjonijiet edukattivi.
B’dan l-argument, Bernard Grech iqarreb sewwa lejn dak li jiddiskuti Aristotli fil-ktieb tiegħu ‘Politics and Nicomachean Ethics’ li fih jargumenta dwar kif il-familja hija l-aktar ‘istituzzjoni’ naturali, waqt li l-edukazzjoni hija kruċjali biex l-individwu jifforma u jiżviluppa r-razzjonalità.
Jiġifieri, il-politika li fiha nfittxu li pajjiżna jkollu: ambjent indaf; spazji miftuħa; edukazzjoni ogħna; servizzi mediċi aktar effiċjenti; anqas traffiku; ekonomija li tasal għand in-nies; proprjetà affordabbli; sigurtà fit-toroq; soluzzjoni għall-għoli tal-ħajja; aktar ħin liberu għall-individwu u l-bqija, hija dejjem xprunata mill-familja.
Il-familja u s-soċjetà
Tinħass fil-politika tiegħu, il-filosofija ta’ Konfiċju li bħal Aristotli, jorbot flimkien il-familja u s-soċjetà b’din tal-aħħar titqies dejjem bħala l-bażi li fuqha jrid jitla’ l-pedament tal-individwu.
Dan kollu, allura jinkwadra f’sens aktar wiesa’ l-ħsieb teoloġiku ta’ San Tumas ta’ Aquino li jista’ jidher strutturat fi tliet livelli vertikali imma li lkoll flimkien iwasslu teoloġija filosofika lineari jew orizzonatali waħda: il-familja, l-edukazzjoni u l-komunità politika. Dan iġibni lura għall-idea li bdejt biha, dik li l-edukazzjoni ‘tifforma’ lill-individwu li jikber fil-familja u jkabbar il-familja fis-soċjetà li tiċċirkondah.
Din il-fibra ta’ kuxjenza morali, forsi aktar minn politika, tul il-karriera tiegħu, minkejja sfidi interni u esterni, u pressjoni fuq diversi fronti, servietu bħala boxxla li tatu sens ta’ direzzjoni u ta’ viżjoni li ħadmet biex il-Partit Nazzjonalista jkollu għan.
Mhux faċli fid-dinja politika tal-lum, li Partit politiku jew addirittura Kap ta’ Partit, ikollu għan fiss u pjan biex jasal għalih. Jidhirli li Bernard Grech, dan wasslu lin-nies f’kull okkażjoni li kellu, u ttrażmettih daqstant aktar. Jekk ngħid li dan wasal biżżejjed, inkun ambizzjuż, għaliex ma nistax ngħid li wasslu daqskemm emmen fih.
Imma, irridu nkunu realistiċi u nifhmu wkoll li l-Partit Nazzjonalista u l-Membri Parlamentari tiegħu mhux dejjem fehmu dan ir-‘raison d’être’ u ċertament ma ttrażemttewhx biżżejjed, u dan ngħidu b’responsabbiltà mingħajr ma nwaddab l-ewwel ġebla.
Ċertament, irid jibqa’ mfakkar għal wieħed mill-aktar mumenti importanti fit-tmexxija tiegħu, is-suċċess fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2024. Meta ngħidu suċċess, irridu nifhmu li dan kien l-aħjar riżultat elettorali miksub mill-Partit Nazzjonalista f’kull elezzjoni għall-Parlament Ewropew minn kemm ilhom isiru mill-2004.
Dan it-titjib politiku ma ġiex b’kumbinazzjoni jew b’riħet min kellu biss l-interess personali (bħalma kien hemm min ried ipinġih), u ma għandux jiġi injorat għall-aġenda politika ta’ min irid inessi l-Istorja għax illum jekk jaqbillu. Dan wasal għaliex Grech adotta personalità aktar miftuħa, iffoka fuq il-materji l-aktar importanti u tkellem dwarhom f’sens li jfehemhom għaliex fehemhom u għexhom.
Bernard Grech ma ddejjaqx ifassal proposti politiċi realistiċi imma ambizzjużi fl-istess waqt, dejjem mibnija fuq l-istess punti prinċipali li jibdew mill-kwalità tal-ħajja għaliex il-familji Maltin huma l-prijorità.
Fi żmien meta Malta saret tipprostitwixxi ruħha politikament għal kull idea rħisa impurtata minn dinja tixxejjer ma’ kull riħ, fittex li jibqa’ jemmen f’dak li jagħmlu hu min hu, u l-prinċipju tiegħu ma bigħux jew skambjah. B’hekk, huwa għażel li ma jsegwix il-politika tal-‘kollox jgħaddi għall-voti’, imma baqa’ marbut mal-valuri Demokratiċi Kristjani li jsawru lill-Partit Nazzjonalista u li bosta (b’intenzjoni u b’injuranza u b’negliġenza jibqgħu jinjoraw biex jindokraw il-‘likes’ tal-media soċjali).
Dan il-mod ta’ tmexxija, għalkemm xi drabi kkritikat bħala prudenti żżejjed, jew antikwat, jibqa’ juri li jista’ jkun effettiv fi żmien fejn ħafna nies qed ifittxu stabbiltà, serjetà, u sens ta’ maturità fil-politika fil-konfużjoni ta’ soċjetà li ma tafx x’inhu l-vanġelu tagħha.
Inħoss li Bernard baqa’ wisq marbut mal-ideali tiegħu – u l-politika ma tridx politiċi ġenwini li jemmnu fl-ideali imma li jduru mal-irjieħ.
Dan ġej mit-trawwim tiegħu, f’familja tal-ħaddiema u li sawru fih karatteristiċi sodi li jibqgħu ankrati fl-impatt li l-familja jista’ jkollha fis-soċjetà, u allura fil-politika b’mod ġenerali. Dan kollu, jeħodni lura għalhekk għall-argumenti tal-edukazzjoni, għax waħda ma tistax tinfatam mill-oħra, u ma għandux ikun hekk.
Nagħlaq din il-ktiba qasira billi nagħmel referenza għal dak li jgħid b’tant rikkezza Aristoli: “The education of the young is the business of the state”. Hawnhekk nara r-ruħ politika ta’ Bernard Grech li mill-familja jgħaddi għall-edukazzjoni biex jifforma l-Istat.
Jalla, li dik it-triq li stinka biex iħejji hu fi żmienu bħala Kap, ma jitwarrabx jew jintrema għax meta nanalizzawh, nifhmu biss li huwa l-bażi ta’ kull fehma politika u soċjali li tant nieqes minnha pajjiżna llum.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>