Rebekah Borg
Shadow Minister għall-Ambjent
F’dawn il-jiem, il-Partit Nazzjonalista qed jgħix mument importanti fl-istorja tiegħu. Bernard Grech, wara ħames snin ta’ dedikazzjoni u servizz bħala Kap, għażel li jieħu pass lura.
Hekk kif il-Partit idawwar paġna u jidħol f’kapitlu ġdid, irridu nibqgħu nibnu fuq l-għaqda, l-onestà u t-tama li Bernard Grech uriena. Aħna, bħala tim, se nibqgħu naħdmu għall-għan wieħed, li nibnu Malta aħjar għal kulħadd.
Dejjem se niftakar lil Bernard Grech bħala l-Kap li ra potenzjal fija u ħeġġiġni kontinwament nimxi ’l quddiem fil-politika. Dejjem imbuttani, ried aktar minni, emmen fija, u saħansitra fdani b’portafoll tant importanti tal-ambjent. Din il-fiduċja tiegħu kienet għalija motivazzjoni kostanti. Fil-ħidma tagħna, żammejna dejjem rispett kbir lejn xulxin.
Taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech, il-Partit dejjem iġġieled l-inġustizzji fuq kull front possibbli. Tajjeb infakkru li Bernard Grech aċċetta s-sejħa tal-Partit u tal-pajjiż fl-eqqel taż-żmien turbulenti tal-pandemija tal-Covid.
F’dak il-perjodu, il-Partit kien proattiv u tkellem fejn kien hemm bżonn. Offra proposti biex jiġġieled il-pjaga tal-għoli tal-ħajja. Kif ġara f’dan il-każ, il-Partit indirizza wkoll diversi problemi oħrajn li jolqtu direttament lil kull individwu u familja, u fassal pjanijiet konkreti biex jindirizzahom u isolvihom.
Bernard Grech mexxa lill-Partit għal żewġ elezzjonijiet nazzjonali importanti. Fl-elezzjoni ġenerali tal-2022, il-Partit għadda minn tiġdid sostanzjali fl-uċuħ li jirrappreżentawh fil-Parlament. Jien u oħrajn ingħatajna ċ-ċans mill-elettorat biex inservu lill-pajjiż fl-ogħla istituzzjoni tiegħu.
Riżultati storiċi
Ftit iktar minn sena ilu morna għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Inkisbu riżultati storiċi f’tagħhom, hekk kif Roberta Metsola kisret kull rekord u l-Partit żied l-appoġġ f’ħafna kunsilli u saħansitra qaleb diversi lokalitajiet, fosthom il-Mosta.
F’dawn l-elezzjonijiet, taħt it-tmexxija ta’ Bernard, il-Partit ippreżenta żewġ programmi elettorali b’saħħithom. Tant kienu b’saħħithom li ħafna mill-proposti tagħhom kienu viżjoni ċara ta’ fejn sejra Malta, u llum qed narawhom jitwettqu jew jiġu meqjusa bħala triq serja għall-futur tal-pajjiż.
Minn perspettiva personali, Bernard Grech huwa bniedem umli, li jagħti kas tan-nies u tal-familja. F’kull okkażjoni personali, tkun pożittiva jew diffiċli, kont taf li Bernard Grech kien se jċempillek biex jistaqsik kif int. Bħalma missier jieħu ħsieb lill-familja tiegħu, hekk għamel hu mal-grupp parlamentari.
Issa li ninsabu f’nofs proċess għall-għażla ta’ Kap ġdid, se nsibu ruħna fuq l-għatba ta’ elezzjoni ġenerali oħra. Dan mhux iż-żmien li nkissru dak li hemm, imma li naġġornawh u nibnu fuq it-tajjeb li ħalla Bernard Grech.
Nappella lil kulħadd, mill-kandidati għall-kariga ta’ Kap, sa deputati, sa votanti Nazzjonalisti u saħansitra dawk li jinsabu bejn ħalltejn jew għadhom mhux konvinti. Ejjew nużaw dan il-proċess bħala opportunità biex naħsbu mill-ġdid il-viżjoni tagħna, b’għan ewlieni wieħed: kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu tagħna. U fuq kollox, biex inkunu forza politika serja u kredibbli li kapaċi tirbaħ u tiggverna.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>