minn Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’
Ma tkunx l-ewwel darba, u lanqas l-aħħar darba, li nisimgħu dan l-avviż: “Jekk se tixrob, issuqx”. Imma donnu li dan il-parir, jew minn lenti lingwistika, din l-idjoma ma għadhiex tfisser wisq. Jidhirli li dan huwa sforz kulturali li għal għexieren ta’ snin, intgħaġnet magħna l-Maltin li nħobbu noħorġu u mmorru l-festi u l-bqija, u kull fejn immorru rridu nniżżlu dawk it-tnejn (?) birra. U dan mhux faċli jinbidel.
Malta bħalissa qiegħda tiffaċċja mument kruċjali fil-mod ta’ kif tħares lejn ix-xorb, l-użu tad-drogi u s-sewqan. Artikli riċenti f’ġurnali lokali żvelaw tħassib dejjem jikber dwar is-sewqan taħt l-influwenza u l-konsegwenzi fatali tiegħu. Il-proposti li tressqu ’l quddiem ivarjaw minn żieda fl-età legali tax-xorb għal infurzar aktar strett, iżda filwaqt li l-liġijiet huma importanti, il-problema ewlenija hija iktar profonda: il-kultura u l-mentalità tagħna dwar l-alkoħol u r-responsabbiltà fit-toroq.
L-età legali tax-xorb alkoħoliku
Waħda mill-miżuri l-aktar diskussi hija li ngħollu l-età tax-xorb f’Malta – li bħalissa hija ta’ 17-il sena, possibbilment l-aktar baxxa fl-Unjoni Ewropea. Il-Caritas fil-fatt, hija vuċi ewlenija favur regolamenti aktar stretti. F’The Times of Malta fil-fatt fissret li hija favur: “Raising the legal drinking age to 21 years, lowering blood-alcohol limits, mandatory intoxication testing for injury-causing accidents, random breathalyser checks, and public awareness campaigns.”
Is-Sedqa tappoġġja wkoll li tiżdied l-età, u tipproponi minimu ta’ 18-il sena, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ ‘happy hour’ għall-alkoħol u fuq kollox edukazzjoni aħjar fl-iskejjel. Ikolli nammetti, li mill-esperjenza tiegħi, fil-qasam edukattiv ma tantx nenfasizzaw fuq l-importanza li ngħallmu kemm huwa ħażin l-alkoħol u sustanzi oħra b’mod ġenerali, inkluż ovvjament meta wieħed isuq. L-OASI Foundation marret pass oltre, u qiegħda tissuġġerixxi età legali ta’ 21 sena, waqt li tisħaq fuq il-projbizzjoni ta’ reklamar tal-alkoħol f’postijiet pubbliċi u fuq il-midja soċjali, u taħriġ obbligatorju dwar abbuż ta’ sustanzi għal min jaħdem fl-industrija tal-ospitalità.
L-infurzar hu kruċjali
Il-professjonisti tas-saħħa ilhom jgħidu ċar u tond: l-infurzar hu kruċjali. Doctors for Road Safety ripetutament iddikjaraw li l-ikbar deterrent huwa l-probabbiltà li tinqabad, mhux is-severità tal-pieni. Ilhom għalhekk jappellaw għal checkpoints frekwenti u viżibbli, testijiet obbligatorji f’kull inċident b’korrimenti, u aktar riżorsi għall-pulizija.
Huma jenfasizzaw ukoll problema li spiss tingħata l-ġenb: l-impatt tad-drogi. Tali sustanzi jaffettwaw serjament il-koordinazzjoni u r-rispons, iżda Malta għadha nieqsa minn teknoloġija biex tiskrinja d-drogi fit-toroq għaliex Malta għadha lura: “Combining cannabis and alcohol is especially dangerous, and Malta urgently needs testing capabilities to detect these risks.”
B’mod pożittiv, il-Gvern reċentement ħabbar pjanijiet ġodda għal testijiet każwali fit-toroq kemm għall-alkoħol kif ukoll għad-drogi, flimkien ma’ pieni iktar ħorox għal każijiet fatali pass li Doctors for Road Safety sejħu “pass fid-direzzjoni t-tajba.” Madankollu, huma jwissu li dawn il-miżuri għandhom ikunu konsistenti u viżibbli biex ikunu effettivi.
L-akbar sfida hi dik kulturali
Semmejt aktar ’il fuq il-‘problema’ tal-kultura. Filwaqt li r-riformi legali u l-infurzar huma meħtieġa, l-akbar sfida ta’ Malta hija kulturali. Il-kultura tax-xorb hija parti intrinsika minn ħajjitna: festi, tiġijiet, okkażjonijiet tal-familja, logħob tal-football, BBQs u dak kollu li nagħmlu. Aħna pajjiż li jixrob l-alkoħol dejjem u kullimkien. Il-problema mhijiex iċ-ċelebrazzjoni jew l-okkażjoni, imma hija l-attitudni li s-sewqan wara “tnejn birra” hu aċċettabbli. Ovvjament nifhem li hemm konsum u konsum, u xi mkien irridu nsibu t-triq tan-nofs għaliex f’pajjiżna diġà għandna ftit wisq fejn immorru u x’nagħmlu u ċertament ma rridux inkomplu nsakkru n-nies fi djarhom.
Il-bidla fil-mentalità hija minn fejn irridu nibdew, u din tibda bl-edukazzjoni. L-edukazzjoni mhix kwistjoni sekondarja: hija l-pedament ta’ soluzzjoni serja. Bidla kulturali għandha tibda kmieni, permezz ta’ li jgħallmu r-riskju tas-sewqan taħt l-effetti tax-xorb u ta’ sustanzi diversi.
Is-sigurtà fit-toroq għandha tkun parti mill-kurrikulu ewlieni u rridu ntambru u ntambru fuqha. Il-kampanji ta’ għarfien pubbliku għandhom jinbidlu wkoll. L-istatistiċi xokkanti waħedhom ma jbiddlux l-imġiba għaliex sal-lum donnu ħadd mhu impressjonat. L-edukazzjoni għandha testendi wkoll fuq il-midja soċjali. Ir-responsabbiltà ma tistax tibqa’ biss fuq l-individwu; għandha tkun fuq spallejn kulħadd.
Interessi differenti
Madankollu, mhux kulħadd jaqbel. The Sense Group, li tirrappreżenta lill-produtturi tax-xorb, sostniet li ż-żieda fl-età waħedha mhix is-soluzzjoni. Id-Direttur Ray Grech qal: “Education, harm prevention and above all enforcement of existing laws are the long-term solutions.” Ovvjament, wieħed irid jifhem l-interessi differenti. Żidt dan l-argument għaliex jinteressani minn żewġ bnadi, l-ewwel nett għaliex nemmen li rridu nħarsu lejn dan kollu minn żewġ perspettivi u fuq kollox irrid niffoka fuq l-aspett edukattiv.
Mela, minn dan id-dibattitu toħroġ realtà importanti: il-liġi mingħajr infurzar u bidla fil-mentalità se tkun biss soluzzjoni superfiċjali.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 3 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>