Paula Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għall-Anzjanità Attiva
Li kieku xi ħadd kellu jistaqsini biex insemmi żewġ kwalitajiet sbieħ ta’ Bernard Grech mingħajr ebda tlaqliq ngħid li żewġ kwalitajiet li jispikkaw fih kontinwament u f’kull deċiżjoni li ħa u f’kull deċiżjoni li ħadna flimkien bħala Grupp Parlamentari huma l-empatija li tispikka fih minn seba’ mili ’l bogħod kif ukoll l-id twila ta’ solidarjetà li għandu mal-vulnerabbli u ma’ min ikun għaddej minn żminijiet diffiċli.
Qalbu żgħira imma kbira u jħoss mhux ftit għall-proxxmu tiegħu. Kien u għadu jisħaq sal-lum li aħna bħala politiċi għandna dejjem nidħlu fiż-żarbun ta’ dak li qed isofri minn xi inġustizzja, minn xi għawġ jew xi forma ta’ saram qabel ma nieħdu pożizzjoni jew oħra, u kull deċiżjoni li nieħdu għandha dejjem tkun ibbażata fuq ħafna riflessjonijiet u wara ħafna evalwazzjonijiet.
Qatt ma ġġudika lil ħadd anke meta seta’ faċilment jaqa’ biex jagħmel dan. Dejjem emmen fil-ġenwinità tal-parti l-oħra anke meta seta’ faċilment jinduna li mhux kulħadd seta’ kien sinċier. Is-suppervja kien jagħtiha l-ġenb anke f’ċirkostanzi meta l-ewwel instint seta’ kien li jissuppervja u jqatta’ l-karti. Dejjem emmen fid-djalogu u fil-ħsieb; dejjem mexa bi pjan u bi strateġija. Bhalma fl-aħħar minn l-aħħar għandu jagħmel kull Kap.
Għalkemm lil Bernard kont nafu bħala avukat, qatt ma kont ħdimt miegħu mill-viċin qabel ma’ laħaq Kap. Meta wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022 ħatarni Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva kif ukoll Assistant Whip, bdejt naħdem aktar qrib tiegħu. Stajt ninduna li filwaqt li jħallik taħdem fil-libertà kollha jippretendi ħafna minn għandek ukoll.
Prijoritajiet f’posthom
He means business – dejjem ried ikun jaf mingħandi x’qed nagħmel f’dan il-qasam, ma’ min qed nitħadded u x’inhuma l-prijorijiet li fuqhom għandu jaħdem il-Partit.
Kemm żorna djar residenzjali flimkien, inżuru lill-anzjani u nitkellmu magħhom. L-anzjani, bħat-tfal u ż-żgħażagħ, kienu l-mimmi ta’ għajnejh possibbilment għaliex f’kull anzjana u anzjan kien jara lill-ommu u lill-missieru li kien iħobbhom bla qies.
Nibqa’ nammira lil Bernard talli dejjem kien skjett miegħi. Mhux darba jew tnejn spiċċajna nargumentaw imma dejjem apprezzajt li dak li għandu jgħidlek jgħidulek f’wiċċek u mhux minn wara dahrek. Ma tantx iħobb idur mal-lewża għalkemm ħafna mid-drabi kien jirnexxielu jdur magħha b’diplomazija wkoll!
Bniedem determinat. It-tenaċità tiegħu spikkat f’diversi okkażjonijiet u kien hemm diversi sitwazzjonijiet importanti li permezz tad-determinazzjoni tiegħu, il-Partit Nazzjonalista flimkien mal-poplu rnexxielu jdawwar deċiżjonijiet tal-Gvern, fosthom dik dwar l-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, l-abbozz ta’ liġi tal-abort kif ukoll il-ħidma kontinwa tiegħu sabiex jerġa’ jġib lura l-€400 miljun mis-serqa tat-tliet sptarijiet ta’ pajjjiżna.
B’Bernard fit-tmun, rajna riżultati sbieħ ukoll fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali fejn rajna żieda fil-Kunsillieri tagħna u aktar maġġoranzi fil-lokalitajiet tagħna.
Issa li resqin għall-għażla ta’ Kap ġdid, ejja naħdmu fuq l-importanza li dawk kollha li jridu Partit Nazzjonalista b’saħħtu biex pajjiżna jkollu alternattiva għal dan il-Gvern, ilkoll inħarsu ’l quddiem b’tama u determinazzjoni.
Ejja nagħmlu bħalma qalilna biex nagħmlu Bernard Grech – li nagħżlu Kap li jrid iwassal lill-Partit Nazzjonalista biex ikun fil-gvern; Kap li jservi lill-Partit, il-Partit tal-Indipendenza, il-Partit tad-Demokrazija u l-Partit tal-Ewropa.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>