Opinjoni

OPINJONI: Politiku uman li kien kapaċi jisma’

Huwa possibbli li jkollok politiku uman li ma jkunx Kap ta’ partit. Iżda kriterju essenzjali ta’ mexxej ta’  Partit hu li jkun politiku uman

Stanley Zammit
Shadow Minister
għall-Ippjanar

Mexxej politiku ma għandux imexxi biss abbażi ta’ viżjoni, miri u ħiliet strateġiċi, imma fuq kollox għandu jġorr l-umanità, il-kapaċità li jisma’, u l-għarfien ta’ dak li qiegħed jgħaddu minnu n-nies.
Politiku uman huwa dak li jisma’ b’paċenzja u b’umiltà, irrispettivament minn min ikun quddiemu. Kull min jersaq lejh għandu jkun ċert li mhux biss se jkun mismugħ, imma wkoll li l-messaġġ tiegħu se jkun apprezzat u qed jingħata kasu.
Meta kap ta’ partit jelimina d-distanza bejnu u bejn in-nies, u jilqa’ lil kulħadd b’rispett u b’sinċerità, il-ħsieb politiku jsir ħafna aktar sħiħ u ħafna anqas artifiċjali. Il-messaġġ jasal ħafna aktar.
Il-politika ma tistax issir b’arroganza. Politiku uman hu dak li jara lilu nnifsu bħala wieħed minn nies, mhux bħala xi ħadd ’il fuq minn kulħadd għax jaħseb li jifhem f’kollox. It-tmexxija tiegħu għanda tkun imsejsa fuq relazzjonijiet umani, mhux fuq kalkoli elettorali jew interessi ta’ poter. Din il-ġenwinità hi marka li tagħti serjetà u fiduċja lil kull min jemmen fil-politika.
Il-politika għandha tpoġġi l-bniedem fiċ-ċentru. Dan huwa l-kredu tal-Partit Nazzjonalista u kull politika tal-Partit għanda tkun imsejsa fuq dan il-prinċipju fundamentali.
Politiku uman jispira ruħu mill-ħajja ta’ kuljum tal-familji, mill-isfidi tal-ħaddiema, mill-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ u mill-esperjenzi tal-anzjani.
Il-politika mhix biss dwar liġijiet jew istituzzjonijiet, imma dwar kif dawn jolqtu direttament il-ħajja ta’ kull individwu.
Il-valur ta’ politiku uman jidher fl-onestà tiegħu. Anke meta ma jkunx faċli jew popolari, hu jagħżel li jitkellem b’serjetà u b’sinċerità. Jgħid dak li jemmen u jagħmel dak li jgħid.

Kredibbiltà li tispikka
Dan jagħtih kredibbiltà li tispikka f’kuntest fejn ħafna drabi l-politika tiġi akkużata b’ċiniżmu u opportuniżmu. U hu biss permezz ta’ din l-awtentiċità li l-politiku jikseb il-fiduċja tan-nies.
Politiku uman iġib l-interess tal-pajjiż u tal-komunità qabel l-interess personali tiegħu. Dan jitlob dedikazzjoni kbira, sagrifiċċji personali, u ħafna drabi ħafna xogħol mingħajr daqq ta’ trombi.
Mexxej veru ma jfittixx glorja personali, imma jkun lest jissagrifika ħinu u l-kumdità tiegħu biex iwassal direzzjoni, tama u għaqda.
Ir-responsabbiltà u d-dedikazzjoni jafu jiġu bi prezz iebes, inkluż is-saħħa mentali u s-solitidni.
Politiku uman ma jkejjilx il-valur tiegħu bil-poter jew bir-riżultati elettorali biss, imma bl-umanità li jirnexxielu jgħix, inissel u jferrex.
Għax fl-aħħar mill-aħħar, huwa ħafna aktar importanti li jkollna politiku uman iggwidat mill-prinċipji ta’ governanza tajba msejsa fuq l-integrità, ir-responsabbiltà u t-trasparenza, milli supermanager li jħares biss lejn in-numri jew il-mekkaniżmi bla ruħ.
Lil Bernard Grech nafu minn ċkunitu f’raħal twelidi, nafu bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt li kont bħala attivist Nazzjonalist u Kunsillier fil-Kunsill Lokali, u nafu wkoll bħala Kap tal-Oppożizzjoni meta n-nies tawni l-fiduċja tagħhom bħala Membru Parlamentari.
L-istil ta’ tmexxija tiegħu kien mibni fuq l-umanità fejn il-persuna hi ċ-ċentru ta’ kull attività tiegħu. Anki issa li qed itemm il-kariga tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, jibqa’ eżempju ċar ta’ kif wieħed jista’ jgħix dawn il-valuri b’mod konsistenti u sinċier, kontra kull kurrent, f’ħajja politika li taf tkun inumana ħafna.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.