Opinjoni

OPINJONI: Sempliċiment biex infakkruhom…

minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon
u Il-Mument

Ta’ kuljum nisimgħu u naqraw kif il-midja tal-Labour qed tittanta tindaħal, tigdeb, u taqla’ qlajjiet rigward l-elezzjoni għal Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Joħolqu storja fuq oħra ta’ intriċċi u intrigi li ċertament jinsabu f’moħħhom u li wieħed malajr jasal jifhem kif u għaliex.
Il-‘kif u għaliex’ ta’ din il-kampanja li l-Labour għaddej biha fil-konfront tal-PN għandha l-għeruq tagħha fil-mod manipulat kif kienet żvolġiet it-tellieqa tal-leadership tal-PL, meta sitt snin ilu, Joseph Muscat ġie b’dahru mal-ħajt u kellu jabbanduna l-karigi tiegħu fil-partit u fil-gvern f’ċirkustanzi mingħajr preċedent,.
Tajjeb, allura, li wieħed jiftakar ftit l-isfond ta’ dik it-tellieqa ‘mxajtna’ li kienet qed tindika li Chris Fearne mhux talli kien se jirbaħha, talli prattikament kien qisu qed itellaq waħdu. Imbagħad…
… imbagħad daħlu l-heavyweights ta’ madwar Joseph Muscat u dardru l-ambjent kollu biex fi ftit jiem qalbu kollox ta’ taħt fuq.
Hawnhekk qed nirriproduċi numru sostanzjali ta’ endorsements mill-aqwa esponenti tal-Labour li kollha kienu kelma waħda: CHRIS FEARNE GĦAL LEADER TAL-PARTIT U PRIM MINISTRU TA’ MALTA. Iżda fil-Labour hekk imdorrijin… il-kelma ta’ wieħed tiġi ’l fuq mill-kelma tal-bosta… il-manipulazzjoni tegħleb u tiddetta fuq ir-raġuni u fuq l-interess komuni. L-interess ta’ xi wħud privileġġjati u d-dritt ‘imxajtan’ tal-impunità kien rebaħ fuq kollox. Dik kienet l-istorja ta’ elezzjoni oħra mbagħbsa kif jafu jagħmlu tal-Labour biss.

Ta’ Muscat ħadmu għal Robert Abela

“Elementary, my dear Chris,” kien iwieġeb Sherlock Holmes lil Chris Fearne kieku staqsieh x’kien ġara sewwasew fit-tellieqa għal-leadership tal-Labour fl-2019.
It-tweġiba kien taha l-istess Jospeh Muscat meta f’intervista mat-Times of Malta fl-20 ta’ Awwissu 2021 kien stqarr li “Michelle (il-mara tiegħu) did speak with some people and expressed the fact she favoured Robert Abela.”
Bħallikieku mart Joseph Muscat se twettaq att daqshekk politiku fin-natura tiegħu, mingħajr il-kunsens tiegħu, jew għall-inqas, bl-approvazzjoni taċita tiegħu.
Minn dakinhar sal-lum ħarġu aktar ċirkustanzi u fatti li jixhdu li l-kamp ta’ Muscat ħadem pjan wiesa’ u organizzat, mifrux fost il-partitarji li wassal biex maġġoranza vvutat lil Abela.

Fearne said he would leave it to political historians to analyse what had happened
in the 2019 leadership race
in the PL

Malta Today
24 ta’ Awwissu, 2021

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 3 ta’ Setembru, 2025.