Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione llum għamlet żjara lis-SiGMA Euro-Med 2025 li qed tittella’ bejn l-1 u t-3 ta’ Settembru fil-Mediterranean Maritime Hub fil-Marsa.
Id-delegazzjoni, li kienet tinkludi wkoll lis-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello u ż-żewġ kandidati għall-kariga ta’ Kap tal-PN Alex Borg u Adrian Delia, iddawret mal-Konvenzjoni mill-fundatur ta’ SiGMA Eman Pulis, li kien akkumpanjat mis-Chief Operating Officer (COO) Heathcliff Farrugia u minn Robert Cutajar, Head International Partnerships (Europe and Mediterranean) ta’ SiGMA.

Waqt li daru l-istands, huma ltaqgħu mal-esebituri u mar-rappreżentanti ta’ diversi kumpaniji tal-gaming u t-teknoloġija li qed jieħdu sehem f’din il-Konvenzjoni, li għaliha qed jattendu eluf ta’ Maltin u barranin.
Il-Konvenzjoni ta’ Malta kienu mistennija jżuruha xejn inqas minn 12,000 delegat minn diversi pajjiżi waqt li matul it-tlett ijiem ta’ attivitajiet – li kienu jinkludu wkoll numru ta’ diskussjonijiet – ħadu sehem 400 kelliem differenti waqt li b’xi mod jew ieħor pparteċipaw rappreżentanti minn 2,800 kumpanija affiljata u 2,160 operatur. Din is-sena l-Konvenzjoni ħadu sehem fiha aktar minn 400 esebitur u sponsor.
Fost dawk li ppparteċipaw fid-diskussjonijiet li saru fl-aħħar jiem kien hemm ukoll ix-Shadow Ministers Jerome Caruana Cilia u Ryan Callus.
Fi tmiem iż-żjara tal-lum, id-delegazzjoni tal-PN kellha wkoll laqgħa privata ma’ Eman Pulis li matulha ġew diskussi diversi temi importanti, fosthom il-mixja ta’ suċċess li kellha s-SiGMA f’dan il-qasam daqshekk importanti għall-ekonomija li huwa settur li ħoloq Gvern Nazzjonalista.

Ritratt: Catriel Farrugia
SiGMA ġiet imwaqqfa fl-2014 f’pajjiżna minn Eman Pulis u llum il-ġurnata saret waħda mill-akbar kumpaniji madwar id-dinja f’din l-industrija.
L-avveniment annwali prinċipali tas-SiGMA din is-sena se jsir fil-bidu ta’ Novembru f’Ruma u fis-SiGMA Central Europe Summit mistennija jipparteċipaw għadd kbir ta’ kumpaniji Maltin. Għal din l-attività mistennija attendenza ta’ madwar 30,000 ruħ.
L-appuntament li jmiss ta’ SiGMA f’Malta hu għall-Konvenzjoni li jmiss f’Marzu 2026 li issa se timxi lejn l-MFCC f’Ta’ Qali.

Ritratt: Catriel Farrugia