Futbol Sport

Rabja mill-partitarji ta’ Notts County għaliex Jodi Jones se jitlef logħba minn League 2 biex jilgħab għal Malta

Jodi Jones
Jodi Jones

F’diversi forums fejn jitkellmu u jgħidu tagħhom il-partitarji tal-klabb Ingliż Notts County, fl-aħħar jiem kienu bosta dawk li esprimew id-diżappunt tagħhom li wieħed mill-aqwa plejers tagħhom, il-winger internazzjonali Malti, Jodi Jones se jkun assenti għall-konfront li jmisshom f’League 2 kontra Fleetwood.

Jones hu wieħed mill-plejers li huma inklużi fl-iskwadra nazzjonali Maltija ta’ Emilio De Leo għaż-żewġ partiti li se jkun qed jilgħab pajjiżna, għada kontra l-Litwanja u nhar it-Tlieta li ġej kontra San Marino.

Minkejja li f’dawn il-jiem, fl-Ewropa partikolarment għandna l-waqfa internazzjonali, id-diviżjonijiet inferjuri f’diversi pajjiżi Ewropej qed normalment jagħżlu li ma jiqfux mil-logħob u b’hekk il-Kampjonati rispettivi jkomplu daqslikieku m’hemm ebda waqfa internazzjonali.

Notts County li attwalment jinsabu fit-12-il post tal-klassifika, imisshom jilagħbu kontront importanti fit-tmiem il-ġimgħa kontra Fleetwood Town. Din il-logħba se tintlagħab nhar is-Sibt u Jones se jkun assenti peress li se jkun għadu mat-tim nazzjonali Malti.

In-nuqqas ta’ Jones mill-iskwadra ta’ Notts County għall-impenn li jmiss, qed idejjaq lill-partitarji tal-klabb, tant li kien hemm uħud li nisslu l-ħsibijiet u r-rabja tagħhom bil-miktub fuq forums u l-midja soċjali tal-klabb.

Fost il-kummenti miktuba kien hemm min qal “għidulhom (lil Malta/MFA) li jinsab imweġġa’. Bħalissa, aħna għadna bżonn lil Jodi aktar milli għandhom bżonnu Malta.”

Kumment ieħor miktub minn partitarju ta’ Notts County fuq Instagram, kien aktar iebes, u qal li “Malta se titlef xorta waħda għalhekk ikun aħjar kieku Jodi jibqa’ magħna għaliex jagħmel aktar differenza.”

Quddiem kummenti ta’ dan it-tip, wieħed jifhem u japprezza aktar kemm hi itqal għal kwalunkwé plejer internazzjonali li jilgħab fid-diviżjonijiet inferjuri, bħal fil-każ ta’ Jodi Jones, fejn il-Kampjonati domestiċi rispettivi tagħhom jibqgħu għaddejin anke meta jkun hemm il-waqfa internazzjonali, biex jaċċettaw li jħallu t-tim tagħhom u jmorru jilagħbu għat-tim nazzjonali.

Ir-riskju li jieħdu dawn il-plejers hu, fost oħrajn, li meta jmorru lura mal-klabb ikunu tilfu posthom fl-iskwadra. Għalhekk fuq nota separata, kultant jagħmel aktar sens, li qabel nibdew nikkritikaw, nifhmu s-sagrifiċju u r-riskju li jkunu qed jieħdu dawn il-plejers meta jaċċettaw li jilagħbu għal Malta.