Lokali

Rabja min-nies wara li ksew il-picnic area ta’ Ta’ Qali bir-ramel

F’post fuq il-midja soċjali, l-uffiċjal tal-Labour Jason Micallef – li jieħu ħsieb il-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali – iddikjara li il-Gvern biddel dan il-park “f’ġojjel ambjentali”. Iżda n-nies huma ta’ fehma kompletament differenti. B’mijiet jiffirmaw petizzjoni online, wara li r-ramel biddel kompletament ix-xenarju f’dan il-park nazzjonali.

Jason Micallef stess spiċċa ikkonferma li tpoġġa’ dan ir-ramel. Għalkemm skont hu, din il-mossa saret “apposta”.

Għaldaqstant crew ta’ Net News żar dan il-park biex jara b’għajnejh dak li sar mill-Gvern. Dan hekk kif fl-aħħar jiem kienu bosta il-persuni li semmew kif kienu diżappuntati għall-fatt li minflok ħaxix, infirex ir-ramel.

In-nies esprimew it-tħassib tagħhom fuq il-midja soċjali u ddeskrivew is-sitwazzjoni bħala waħda diżastruża, u li mhix tagħti lok lill-familji sabiex igawdu din is-suppost picnic area li ftit tal-ġimgħat ilu kien miżgħuda bil-ħaxix.

Jidher li din is-sitwazzjoni ma niżlet xejn tajjeb mal-Maltin u Għawdxin, speċjalment meta wieħed jikkunsidra l-fatt li pajjiżna huwa wieħed mill-aktar pajjiżi fost l-Unjoni Ewropea li huwa nieqes mill-ħdura u s-siġar.

Fl-aħħar jiem, aktar minn 5, 375 persuna ffirmaw petizzjoni bl-għan li jitneħħa r-ramel li nfirex fiż-żona tal-picnics. B’Jason Micallef jibqa’ jirrimirka li din – skont hu – hija fake news.

Il-PN minn naħa tiegħu esprima tħassib serju dwar din is-sitwazzjoni f’Ta’ Qali. Filwaqt li insista li għall-Gvern, l-ambjent qiegħed hemm biss għall-propaganda.