Futbol Sport

Ruben Loftus-Cheek mgħajjat mat-tim nazzjonali Ingliż għall-ewwel darba f’7 snin

(Ritratt: EPA)

Il-midfielder ta’ AC Milan, Ruben Loftus-Cheek ġie mgħajjat mal-iskwadra finali tat-tim nazzjonali Ingliż għall-partiti mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja kontra l-Andorra f’Villa Park u kontra s-Serbja fil-Rajko Mitic Stadium.

L-Ingilterra jinsabu fl-ewwel post fi Grupp K b’tlett rebħiet minn tlett partiti u jaffrontaw lill-Andorra li jokkuppaw l-aħħar post u jinsabu bla punti. Il-partita tintlagħab is-Sibt 6 ta’ Settembru fis-6pm. It-Three Lions jaffrontaw ukoll lis-Serbja li jokkupaw it-tielet post u għandhom erba’ punti minn żewġ partiti. Il-partita tintlagħab it-Tlieta 9 ta’ Settembru fid-8:45pm.

L-eks midfielder ta’ Chelsea ngħaqad ma’ AC Milan fis-sajf ta’ 2023, u rnexxielu jibqa’ mingħajr ħafna injuries biex qed ikollu perjodu tajjeb ħafna mar-Rossoneri, minkejja d-diffikultajiet li kellhom l-istaġun li għadda, Loftus-Cheek kien wieħed mill-iktar plejers li spikkaw bil-prestazzjonijiet tiegħu.

Loftus-Cheek l-aħħar li deher jilagħab mat-Three Lions kien lura f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Istati Uniti lura f’Novembru tal-2018 wara li kien parti mill-iskwadra Ingliża li waslet sas-semi finali tat-Tazza tad-Dinja 2018 fir-Russja.

F’71 partita mar-Rossoneri, huwa skorja 11-il gowl u pprovda 3 assists.

Jitkellem mal-midja Ingliża, huwa stqarr li kien qattgħa qalbu milli qatt jerġgħa jiġi mgħajjat mat-tim nazzjonali Ingliż, spejalment wara l-injury kerha fl-Achilles li sofra fl-2019.