Lokali

Studju wera r-riskji kbar li jaffaċċjaw l-attivisti u l-ġurnalisti

Malta għadha qed tbati biex tipproteġi l-attivisti tad-drittijiet umani, inkluż lill-ġurnalisti.

Dan intqal f’rapport maħruġ mill-Organizazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa li ġie ppubblikat l-Erbgħa, wara li l-uffiċju tal-OSCE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet Umani għamel studju f’Malta f’Marzu tal-2023.

F’dan ir-rapport ġie nnutat li minkejja li sar progress, in-nuqqas ta’ riformi qed ikomplu jkissru d-drittijiet fundamentali. Huma nnutaw partikolarment l-azzjonijiet ta’ politiċi u persuni ta’ awtorità fir-rigward ta’ attivisti f’diversi oqsma, u anke ġurnalisti.

Ġie nnutat ukoll kif dawk li jaħdmu fuq il-korruzzjoni, l-immigrazzjoni, u kwistjonijiet ambjentali għadhom l-iżjed tendenza li jirċievu fastidju, theddid u intimidazzjoni… kemm huma, kif ukoll il-qraba tagħhom.

Ir-rapport jgħaqqad dan l-ambjent ostili mal-inkjesta pubblika tal-2021 dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li sabet li n-nuqqas ta’ azzjoni tal-istat u l-vilifikazzjoni tal-ġurnalisti rawmu klima ta’ impunità.

Ir-rapport talab għal reviżjoni pubblika tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, kif ukoll proposti biex titjieb it-trasparenza u r-responsabbilita’.

Huma kkonkkludew billi sostnew li Malta trid terġa’ tibni l-fiduċja b’mod urġenti u tiżgura ambjent aktar sikur għall-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem. Huma rrakkomandaw ir-rikonoxximent pubbliku tax-xogħol tagħhom, leġiżlazzjoni robusta kontra l-iSLAPP, miżuri ta’ trasparenza aktar b’saħħithom, u konsultazzjoni ġenwina dwar ir-riformi fil-media.

Huma qalu wkoll li lesti jappoġġjaw lil Malta fl-implimentazzjoni tar-riformi, iżda enfasizzaw li l-impenn politiku huwa kruċjali.