Lokali Qorti

Wieħed miż-żewġt irġiel akkużati fuq droga b’valur ta’ €30,000 jingħata l-pleġġ

Wieħed miż-żewġt irġiel li kienu nżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħatja għal akkużi ta’ pussess ta’ droga bil-għan li tiġi traffikata ngħata l-ħelsien mill-arrest. Huma ġew arrestati fil-lejl bejn il-Ġimgħa u s-Sibt f’nofs Ġunju li għadda f’karozza qrib stabbiliment tad-divertiment f’Tal-Balal, fil-limiti ta’ San Ġwann.

Id-droga skont il-prosekuzzjoni għandha valur ta’ €30,000, fejn din qed takkuża lil Christopher Maschke, Ġermaniż ta’ 30 sena, u lil Jack Ola Akesson, Żvediż ta’ 25 sena, li kienu fil-pussess ta’ droga suspettata ecstasy, ketamina, ħaxixa tal-kannabis, kannabis sintetika, u sustanza psikotropika ġdida. Huma akkużati wkoll li d-droga nstabet f’ammonti li juru li ma kinitx għall-użu personali tagħhom.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor Axiak laqgħet it-talba tad-difiża fil-konfront ta’ Christopher Maschke għal libertà proviżoja fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000 u li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa, wara li d-difiża mmexxija mill-Avukat Josè Herrera għamlet talba għalll-pleġġ, u dan ukoll fid-dawl tal-fatt li l-klijent tiegħu diġa sab impieg fis-settur tal-gaming.

Talba għall-ħelsien mill-arrest għal Jack Ola Akesson ma kenitx milqugħa mill-Qorti li qalet li hu ma jagħtix il-garanzija li jista’ joqgħod mal-ordnijiet tal-Qorti. Dan ukoll wara li l-prosekuzzjoni qalet li l-Iżvediż huwa magħruf sew fejn tidħol id-droga. Hemm ukoll il-problema li għad irid jsib impieg.

Il-Pulizija qalu li fil-karozza kien hemm il-Ġermaniż u t-tfajla tiegħu u mbagħad daħal l-Iżvediż li kellu jirċievi 20 pillola ecstasy u ketamina mingħand Maschke. Ġie spjegat li l-akkużati jgħixu fl-istess appartament fis-Swieqi fejn fi tfittxija li saret aktar tard instabet aktar droga.

Il-Pulizija stmat li d-droga kollha kkonfiskata għandha valur ta’ €30,000.

Għall-Ġermaniż deher l-Avukat Josè Herrera filwaqt li għall-Iżvediż deher l-Avukat Mark Mifsud Cutajar.