Lokali

Żewġ anzjani Maltin jmutu wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku f’Katanja

Żewġ Maltin tilfu ħajjithom f’inċident tat-traffiku fatali li seħħ, illum waranofsinhar, għall-ħabta tat-15:00, fi Triq Katanja – Raġusa.

Karozza tat-tip Yaris, b’numru ta’ reġistrazzjoni Malti, li fiha kienu qed jivvjaġġaw żewġ anzjani ċittadini Maltin, għal raġunijiet li għadhom qed jiġu investigati, spiċċat fil-karreġġjata opposta u ħabtet ma’ trakk li kien qed iġorr l-skart.

Fuq il-post waslu immedjatament il-karabinieri tal-kumpanija ta’ Augusta, l-ambulanza u l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u l-paramediċi tas-servizz 118.

It-triq statali baqgħet magħluqa għat-traffiku fiż-żewġ direzzjonijiet sabiex is-salvataġġ ikun jista’ jsir b’mod sigur u biex jitneħħa kull periklu.

Iż-żewġ vetturi ġew soġġetti għas-sekwestru skont id-dispożizzjoni tal-maġistrat mill-Prosekuzzjoni ta’ Sqallija. Il-katavri ġew trasferiti lejn il-morg tal-isptar ta’ Lentini.