Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni arroganti u illegali tal-Gvern Laburista li jiksi z-zona tal-picnics f’Ta’ Qali biż-żrar, u qed jappella lill-Awtorità tal-Ippjanar biex taġixxi b’mod immedjat.
Fi stqarrija, id-deputati tal-PN Rebekah Borg u Stanley Zammit qalu li l-fatti huma sempliċi u ċari: hemm applikazzjoni tal-ippjanar (PA/08356/24) li għadha fl-istadju ta’ screening. Ma hemm l-ebda permess approvat u allura l-pubbliku ma giex ikkonsultat dwar jekk iridx li l-picnic area f’Ta’ Qali tinkesa biż-żrar. Minkejja f’dan, Gvern Laburista għażel li jmexxi bix-xogħlijiet fuq il-post, bi ksur sfaċċat tal-liġi għax:
· L-applikazzjoni (li mhijiex permess) hi biss għal ftit mogħdijiet biż-żrar, iżda z-zona tal-picnics kollha kemm hi ġiet mgħottija biż-żrar;
· Diġà ġew mibnija strutturi bil-konkrit, li se jservu bħala toilets, mingħajr ebda permess, u li ilhom hemm mill-inqas minn Frar 2025.
Il-liġi tgħid b’mod ċar li t-tqegħid ta’ materjal fuq l-art jeħtieġ permess. Li Gvern Laburista għamel xogħol li kien jirrikjedi permess mingħajr ma stenna li tiġi approvata l-applikazzjoni mhijiex biss arroganza iżda illegalità sfaċċata. Il-Gvern Laburista kiser ir-regoli li kulħadd hu obbligat josserva. Ċittadini ordinarji li jagħmlu l-istess jiġu mmultati jew imwaqqfa minnufih; iżda meta l-Gvern Laburista jagħmel l-istess, il-liġi sempliċement tintesa.
Apparti li x-xogħol sar mingħajr permess, il-Gvern Laburista aġixxa b’mod irresponsabbli f’waħda mill-ftit spazji ħodor tal-picnics fejn il-familji jinġabru flimkien u t-tfal jilagħbu. Minflok iħares dak li hu tal-pubbliku, il-Labour ipoġġi l-propaganda qabel kollox – qabel l-ambjent, il-liġi u l-familji. Dan huwa Gvern li l-ewwel jikser ir-regoli diġà fis-seħħ, u mbagħad jerġa’ jiktibhom skont kif jaqbillu.
Dan l-abbuż, qal il-PN, ma waqafx hemm. Issa qegħdin naraw ukoll kif il-persuna fuq quddiemnett f’din il-farsa issa qed tipprova thedded lil min sempliċement qajjem mistoqsijiet leġittimi dwar dan l-abbuż.
Il-Partit Nazzjonalista għalhekk qed jinsisti li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha:
1. Tinvestiga dawn ix-xogħlijiet mingħajr dewmien;
2. Tieħu azzjoni ta’ infurzar kontra t-tfigħ illegali taż-żrar u żvilupp ieħor mhux permess;
3. Tordna t-tneħħija immedjata taż-żrar li tqiegħed illegalment fiz-zona tal-picnics;
4. Tiżgura li s-sit jitreġġa’ lura għall-istat oriġinali tiegħu biex kwalunkwe applikazzjoni futura tkun tista’ tiġi kkunsidrata kif suppost permezz ta’ proċess dovut u konsultazzjoni pubblika;
5. Tiggarantixxi li dan il-każ ma jiġix injorat sempliċement għax hemm involut il-Gvern.
Il-familji Maltin jistħoqqilhom ħafna aktar minn arroganza u kaos. Filwaqt li l-Labour jikser ir-regoli u jimmanipula s-sistema għall-interessi tiegħu stess, il-Partit Nazzjonalista jemmen f’sistema ta’ ppjanar li taħdem għan-nies, tipproteġi l-ambjent u tirrispetta l-komunitajiet.
//= $special ?>