Joswil Galea ta’ 47 sena minn San Ġiljan, ġie kkundannat disa’ xhur priġunerija għaliex naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest (bail conditions) li kienu ġew impost fuqu mill-Qorti. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella enfasizzat li l-ksur sar ftit jiem biss wara li Galea kien skonta sentenza ta’ priġunerija, u dan aggrava l-pożizzjoni tiegħu bħala reċidiv.
Barra l-ħabs, ġiet ukoll ordnata l-konfiska ta’ parti mill-garanziji li kien ippreżenta meta ngħata l-ħelsien mill-arrest u ġiet revokata l-libertà proviżorja tiegħu, b’ordni ta’ riarrest immedjat. Huwa ammetta l-akkużi miġjubin kontrih.
Galea kien mixli li kiser darbtejn il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest imposti fuqu f’sentenzi preċedenti. Dawn il-kundizzjonijiet kienu relatati mal-obbligu li jiffirma l-għassa tal-pulizija f’ħinijiet u f’ġranet speċifiċi, jiġifieri fl-għassa ta’ Birkirkara wara digriet tal-15 ta’ Ottubru 2024 u fl-għassa ta’ Raħal Ġdid wara digriet tas-19 ta’ Settembru 2023.
Il-prosekuzzjoni sostniet li dan l-imġiba kienet bi ksur tal-Artikolu 579(2) tal-Kodiċi Kriminali u talbet ukoll li Galea jiġi kkunsidrat bħala reċidiv skont l-Artikolu 49 tal-istess Kodiċi, billi kien diġà ġie kkundannat minn Qrati Maltin f’sentenzi definittivi.
Galea ammetta mill-ewwel l-imputazzjonijiet kontrih, u wara li ngħata ċans jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu, ikkonferma l-ammissjoni. Il-Qorti osservat li r-reati twettqu ftit jiem biss wara li l-imputat skonta sentenza ta’ priġunerija effettiva, fatt li jagħmel ir-reċidiva tiegħu aktar gravi.
Madankollu, qieset ukoll il-fatt li l-imputat għamel ammissjoni bikrija, u b’hekk naqqas l-użu ta’ ħin u riżorsi tal-Qorti. Wara li analizzat iċ-ċirkostanzi kollha, il-Qorti sabet lil Joswil Galea ħati fuq l-ammissjoni tiegħu u kkonfermat ukoll l-istatus tiegħu ta’ reċidiv.
Għaldaqstant kkundannatu għal disa’ xhur priġunerija effettiva, b’kont li jitnaqqas iż-żmien li kien diġà għamel taħt arrest preventiv. Barra minn hekk, ordnat il-konfiska ta’ €500 minn garanzija personali ta’ €3,000 imposta bid-digriet tas-19 ta’ Settembru 2023 u ta’ €600 minn garanzija oħra ta’ €5,000 imposta bid-digriet tal-15 ta’ Ottubru 2024.
Il-Qorti, skont l-Artikolu 579(3) tal-Kap. 9, irrevokat id-digrieti kollha ta’ ħelsien mill-arrest u ordnat ir-riarrest immedjat tal-imputat. Minħabba li ma ġewx maħtura esperti f’dawn il-proċeduri, il-Qorti ma laqgħetx it-talba tal-prosekuzzjoni biex jitħallsu spejjeż relatati mal-kawża.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit.
//= $special ?>